Wednesday, December 25, 2024

Uffiċjali ta’ detenzjoni jsofru ġrieħi wara li immigranti kienu qed jaħarbu

Aqra wkoll

Numru ta’ uffiċjali ta’ detenzjoni sfaw midrubin nhar is-Sibt li għadda waqt li immigranti kienu qed jaħarbu miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Far. Qalet dan it-Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU f’kumment fuq il-midja soċjali li kien akkumpanjat minn ritratti li juru l-ġrieħi li sofrew l-uffiċjali.

Fil-kumment tagħha t-Taqsima emfasizzat in-nuqqas ta’ riżorsi umani, fejn ma’ 600 immigrant kien hemm biss tmien ħaddiema, erba’ uffiċjali tad-detenzjoni u erba’ uffiċjali tas-sigurtà.

It-Taqsima kompliet tgħid li fl-aħħar ġimgħat l-unjin diġà ġibdet l-attenzjoni tas-Segretarju Permanenti, Kevin Mahoney, fir-rigward tan-nuqqas kbir ta’ riżorsi umani, u saħqet li fin-nuqqas li ma tiġix indirizzata s-sitwazzjoni fil-ġranet li ġejjin mhux eskluż li l-unjin tirrikorri għal direttivi.

Fl-istess waqt it-Taqsima saħqet ukoll li fil-ġimgħat li għaddew il-GWU permezz tas-Segretarju tat-Taqsima Theo Vella reġgħet għamlet talba lill-Ministru Byron Camilleri biex il-ħaddiema kollha li jkunu qed jaħdmu fiċ-ċentri tad-detenzjoni jkunu koperti mill-iskema ta’ benefiċċju għal aċċidenti li jirriżultaw mill-impjieg.

Ekonomija

Sport