Id-Dwana għadha kemm reġgħet qabdet grupp ta’ vetturi oħra misruqa mill-Kanada; 19-il vettura nstabu moħbija f’10 kontejners b’qies ta’ madwar 40 pied li kienu fi triqithom għal Dubai.
Uffiċjali tad-Dwana tal-Freeport minn scanning li għamlu interċettaw dawn il-vetturi:
- sitta Range rover sport;
- Toyota highlander;
- żewġ Lexus RX350;
- Nissan;
- Lexus 350;
- Toyota RAV4;
- Dodge;
- erba’ Range rover;
- żewġ Dodge ram vans.
S’issa, minn numru ta’ operazzjonijiet li saru min-naħa tad-Dwana, id-Dwana rnexxielha taqbad 43 kontejner bi 78 vettura misruqa mill-Kanada. Il-Pulizija ta’ Malta flimkien mal-Awtoritajiet Kanadiżi ġew infurmati b’din is-sejba u minnufih bdew l-investigazzjonijiet meħtieġa.
L-isforzi li saru min-naħa tad-Dwana ta’ Malta għenu lill-Awtoritajiet Kanadiżi biex joħorġu l-akkużi kontra disa’ persuni li bħalissa huma suspettati li kellhom x’jaqsmu mal-‘high-jacking’ ta’ dawn il-vetturi.
Sadanittant, il-ħidma ta’ Malta u l-Kanada wasslet sabiex l-ewwel grupp ta’ karozzi misruqa – li jikkonsisti fi 33 kontejner b’59 vettura – jirritornaw lura lejn il-Kanada.