Sunday, April 20, 2025

Uffiċjali tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi b’esperjenza fl-Estonja

Minn Michael Bondin  Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi twaqqfet fl-2001 bil-għan li tassisti soċjeta’ li qed tevolvi billi tipprovdi servizz għall-ulied, lil hinn mill-iskola sabiex il-ġenituri tagħhom ikunu jistgħu jibbilanċjaw l-esiġenzi tax-xogħol ma’ dawk familjari.  Dan is-servizz jinkludi 14 ‘il ċentru ta’ Childcare tal-istat, 38 ċentru ta’ klabb 3-16 u 58 ċentru ta’ skolasajf.  

Matul dawn l-aħħar snin, f’soċjeta’ li qed taħdem f’kapaċita’ massima t’impjieg, dawn is-servizzi qed isiru aktar essenzjali, id-domanda għas-servizz qed dejjem tikber u l-esiġenzi tal-ġenituri qed jevolvu wkoll.  F’dan l-ambjent, huwa mportanti li l-FES tevalwa u ġġedded is-servizzi tagħha  sabiex, filwaqt li tilħaq l-aspettattivi tal-ġenituri, tiggarantixxi li l-ulied li jitħallew għandha jingħataw l-aqwa servizz permezz ta’ programm edukattiv non-formali ta’  l-oghla kwalita’.  Dan l-impenn tal-FES għal servizz dejjem aħjar huwa kkorroborat u xprunat ukoll mill-istrateġija nazzjonali tal-edukazzjoni (2030) li tisħaq li servizzi bħal klabb 3-16 u skolasajf iridu eventwalment jibdew joffru programmi edukattivi akkreditati.

Sabiex l-FES ittejjeb is-servizzi tagħha huwa importanti mhux biss li tirrifletti u tevalwa ħidmietha iżda wkoll li tistħarreġ x’qed jagħmlu pajjiżi oħra f’dan il-qasam.  Għal dan il-għan, ħarsitna waqgħet fuq l-Estonja, pajjiż ewlieni fil-qasam edukattiv. Xtaqna li naraw u nifhmu kif jitwettaq il-programm non-formali billi mhux biss niddiskutu dwar, iżda ngħixu l-esperjenza flimkien mal-Estonjani ħalli nkunu nistgħu nqabblu u nitgħallmu u finalment nisiltu prattiċi tajbin għalina.  Applikajna b’suċċess għal fondi tal-Ewropa taħt il-programm ERASMUS + u fil-bidu t’April delegazzjoni mill-Fondazzjoni telgħet tagħmel din l-esperjenza. Matul iż-żjara, qattajna ġranet fi skejjel preliminari, primarji u saħansitra speċjali ġewwa Parnu, belt ewlenija fl-Estonja.  

Iċ-childcare fl-Estonja jaħdem differenti ħafna mill-kuntest Malti.  Hemmhekk iċ-childcare jibda ta’ 18 ‘il xahar u amalgamat mal-kunċett tal-klassijiet tal-kinder.  Fejn hawn Malta l-klassijiet tal-kinder jibdew minn 3 snin hemmhekk jibdew minn sena u nofs.  Fejn hawn Malta iċ-ċhildcare hu provdut minn 3 xhur sa 3 snin, hemmhekk il-leave tal-maternita’ jestendi għal sena u nofs.  

Kuntrast ieħor bejn is-sistemi edukattivi hu l-fatt li l-Estonjani jħaddmu servizz wieħed t’ edukazzjoni li jinkludi l-formali u non-formali filwaqt li hawn Malta għandna direttorat li jmexxi l-formali u entita’ li tmexxi n-non-formali.  Ġewwa l-Estonja l-għalliema jaħdmu f’pari,  70 siegħa mqassma fuq ħmistax ‘il ġurnata, min jagħmel ix-xift ta’ filgħodu u min ta’ wara nofsinhar u jalternaw bejniethom. Jiltaqgħu u jikkollaboraw flimkien għal sagħtejn kuljum.  Jippreparaw kemm il-kurrikulu għat-tagħlim formali kif ukoll l-attivitajiet non-formali għal wara l-ħin tal-iskola. 

Interessanti l-fatt li l-Estonjani adottaw kunċett ta’ ‘hobby school’.  Skejjel fejn is-suġġetti mgħallma huma purament prattiċi.   Dawn l-iskejjel jaħdmu id f’id mal-iskejjel formali waqt il-ġurnata skolastika billi jilqgħu żjarat ta’ studenti.   L-istudenti imbagħad, jekk ikunu nteressati jistgħu jirreġistraw u jattendu b’mod volontarju għal klassijiet wara l-iskola f’dawn l-iskejjel speċjalizzati.  

Rimarkabbli huwa l-livell ta’ dixxiplina personali u indipendenza mnissla fit-tfal sa minn kmieni.  Sa minn eta’ bikrija, l-istudenti jivvjaġġaw minn, lejn u bejn l-iskejjel waħedhom bit-trasport pubbliku.

Dawn huma ftit mill-ħafna prattiċi li rajna fl-Estonja.  Ovvjament dak li jaħdem f’kuntest mhux neċessarjament jaħdem f’kuntest ieħor.  Il-kulturi u l-istrutturi ta’ pajjiż huma differenti u mhux neċessarjament huma aħjar jew agħar minn ta’ xulxin.  Rajna madankollu attivitajiet li wieħed jista’ jikkonsidra u li jżidu l-valur fil-programmi tagħna.

Bla dubju din kienet żjara li wessgħet l-orizzonti tal-Fondazzjoni.   Din iż-żjara ma kenitx tkun possibbli mingħajr l-intervent dirett ta’ Dr. Kenneth Vella, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u Finlandja, li jaħdem qatigħ sabiex ikattar il-kollaborazzjoni bejn il-pajjizi Nordiċi u Malta, Nordic Knowledge entita’ Estonjana li assistiet sabiex ġew individwati l-iskejjel li żorna, it-taħdidiet li kellna u sabiex din il-mawra kienet suċċess u anki l-EUPA, l-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna. 

.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport