Uffiċjali fil-Qatar għandhom l-ordni biex jikkonfiskaw il-kameras u l-mobiles tal-partitarji hekk kif bdew itellgħu filmati fuq il-media soċjali tal-kundizzjonijiet ħżiena tal-villaġġi matul it-tournament tat-Tazza tad-Dinja … hekk kif bosta minnhom għadhom qishom siti ta’ kostruzzjoni.
Filmati u ritratti wrew munzelli ta’ terrapien, turf imqatta’ u makkinarju industrijali li għadu fuq il-post ta’ dawn il-villaġġi tal-partitarji ta’ Rawdat Al Jahhaniya, fejn għandhom jospitaw ta’ eluf ta’ partitarji tal-Ingilterra u Wales.
Il-kumditajiet imwiegħda bħal ċentru tal-fitness, teatru u court tat-tennis lanqas biss jeżistu.
Ġewwa l-kabini, il-units tal-arja kondizzjonata huma tant żgħar li ma jistgħu ikessħu l-ispazju biex jagħmlu tajjeb għas-sħana tremenda li qed taħkem dan ir-reġjun. Barra minn hekk jagħmlu wisq ħsejjes biex wieħed ikun jista’ jorqod matul il-lejl.
Bosta kienu dawk il-partitarji li qabblu l-villaġġi ma’ kampijiet ta’ kwarantina.