F’attività għall-familja kollha, bl-isem ta’ ‘Iż-Żunzana Ddur Iddur fil-Pjazza tal-Imtarfa’, biex tkun iċċelebrata l-inawgurazzjoni tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Imtarfa, mijiet ta’ familji attendew fejn setgħu jgawdu minn pjazza ikbar, isbaħ u aktar aċċessibbli.
F’ambjent ta’ logħob tradizzjonali Malti, daqq tal-banda u ikel tradizzjonali Malti, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, irrimarka kif minkejja x-xogħlijiet estensivi li għaddiet minnhom il-Pjazza tal-Imtarfa, wara ftit iktar minn sena mill-bidu tax-xogħlijiet, “qegħdin inroddu lura pjazza ikbar, isbaħ u aktar aċċessibbli, qegħdin inroddu lura pjazza tan-nies.”
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li huma dawn l-attivitajiet li rridu naraw fil-pjazez tagħna, fiż-żoni pedonali u fl-ispazji miftuħa u ħodor li l-Gvern b’mod kollettiv qiegħed jinvesti fihom, għaliex investiment f’dawn il-proġetti u l-attivitajiet huwa investiment fin-nies, fil-familji Maltin u Għawdxin.
Is-Sindku tal-Imtarfa Dale Hayman, filwaqt li rringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u lis-Segretarjat Parlamentari għar-rieda biex jitwassal dan il-proġett, wera l-impenn tiegħu u tal-Kunsill Lokali biex jorganizzaw attivitajiet għall-familji u r-residenti Mtarfin f’din il-pjazza ġdida.
Preżenti għall-inawgurazzjoni tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza kien hemm ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew u eks Sindku tal-Imtarfa Daniel Attard u s-Sindku uxxenti Kyle Mifsud.

