NFTs – Settur diġitali ġdid li fl-2021 kiseb suċċess enormi… tkabbir ta’ 8,000%
Ftit jafu li online s-sena l-oħra splodiet fil-popolarità moda ġdida fost is-sinjuruni l-kbar – dik ta’ xiri bl-eluf u anke l-miljuni ta’ ewro ta’ NFTs, in-non-fungible tokens. Din l-informazzjoni miżmuma fil-blockchain f’forma diġitali hija f’forma ta’ ritratti, vidjows u awdjo uniċi li qegħdin jinxtraw bi prezzijiet għolja tant li fl-2021 dan is-settur kiseb suċċess enormi bi tkabbir ta’ kważi 8,000% għal dawk li għażlu li jinvestu fihom.
Minkejja li d-dinja għadha taħt regoli stretti tal-pandemija tal-Covid-19, is-suq tal-arti internazzjonal huwa rrapportat li ħa r-ruħ b’żieda fil-bejgħ tal-NFTs. Il-popolarità u r-riżultati ta’ suċċess mill-bejgħ ta’ din il-forma diġitali ġdida fil-kamp artistiku waslet għall-bidu ta’ pjattaformi u modi ġodda kif isir negozju tal-opri “moderni” tal-arti ta’ żminijietna.
Spjegat fi kliem sempliċi, l-NTFs huma ritratti, vidjows u awdjo jew mużika diġitali uniċi li jinxtraw minn kollezzjonisti sinjuri. Dawn l-assi huma ċċertifikati u s-sidien għandhom aċċess għalihom fuq pjattaformi online. Proprjetà “prestiġġjuża” għal min jakkwistahom, l-NTFs huma ġabra ta’ informazzjoni diġitali, jiġifieri mhux, per eżempju, ritratt fiżiku li tista’ tmiss u żżommu f’idejk, iżda diġitali li l-funzjoni tiegħu hija simili għal dik ta’ tokens crypto grafiċi.
Deskritti bħala “grafika montetarja” l-NFTs huma negozju online li raw il-bidu tagħhom fl-2014 bħala investiment (asset) fil-blockchain f’forma ta’ arti. L-ewwel proġett uffiċjali tal-NFTs sar f’Ottubru tal-2015 f’DEVCON 1 f’Londra iżda bħala suq beda jiċċaqlaq fl-2017 permezz ta’ l-Ethereium GitHub. F’din is-sena tħabbru għadd ta’ proġetti fosthom il-Curio Cards, il-CryptoPunks li jinnegozja karattri tal-cartoons u l-karti ta’ kollezzjoni rari ta’ Pepe.
Fl-2017 il-logħba CryptoKitties bdiet tinbigħ f’forma ta’ NTFs u s-suċċess li nkiseb ġibed bil-kbir l-attenzjoni tal-pubbliku. Dan is-suq kiber b’rata mgħaġġla fl-2020 u l-valur ittrippla għal €220 miljun. Fl-ewwel tliet xhur tal-2021 huwa rrapportat li aktar minn €175 miljun intefqu fuq din il-forma diġitali ta’ arti. Iż-żieda fl-interess fl-NTFs splodiet fl-ewwel xhur tas-sena l-oħra wara li kien hemm xiri minn personalitajiet magħrufa, kif ukoll meta ttellgħu għadd ta’ rkanti minn djar famużi fosthom Christie’s.
Negozju li ġibed l-attenzjoni tal-midja
Rapport ippubblikat fuq “CrypoSlate” jgħid li kien hemm firxa wisgħa ta’ persuni li fl-2021 għażlu li jinvestu flushom fl-NFTs tant li l-popolarità tagħhom kienet l-aktar waħda qawwija fl-istorja tal-industrija tal-crypto. L-impatt ta’ dawn l-assi ġodda kien wieħed qawwi u mifrux kemm fuq il-midja soċjali, kif ukoll fuq l-aġenziji tal-aħbarijiet tradizzjonali.
Is-suċċess li kellhom l-NTFs is-sena l-oħra huwa ċar anke meta kkomparat ma’ setturi oħra fl-industrija tal-crypto. Il-popolarità tagħhom tant kienet kbira li d-dizzjunarju magħruf “Collins” għażel “NFTs” bħala l-kelma tas-sena.
“L-2021 kienet bla dubju s-sena tal-NFTs,” sostna l-manager ta’ Kraken Intelligence, Pete Humiston. Huwa qal li, “is-settur sploda f’perjodu ta’ ftit xhur. Mhux talli dawk li daħlu f’dan is-settur indunaw kemm huwa attraenti, imma wkoll għadd ta’ kumpaniji differenti li jinkludu dawk li jagħmlu l-video games u dawk tal-moda li fit-tieni nofs tas-sena bdew jagħmlu l-NFTs tagħhom u taw spinta oħra kbira lil din in-novità artistika. Din kienet kruċjali għas-suċċess kbir li kiseb dan is-settur”.
Filwaqt li l-NFTs kienu l-aktar investiment popolari fl-2021, is-suċċess ma kienx konsistenti tul is-sena kollha. Dawn saru l-ewwel darba popolari ħafna fl-ewwel kwart tal-2021 wara li għal xhur sħaħ lejn tmiem l-2020 aktar nies u investituri bdew jinteressaw ruħhom fihom.
Fil-bidu tas-sena l-oħra l-aktar li ddominaw id-dinja tal-NFTs kienu dawk tal-arti u l-oġġetti ta’ kollezzjoni. Fil-fatt fl-ewwel kwart tas-sena kien hemm firxa wiesgħa ta’ personalitajiet fosthom atturi u kantanti li għamlu t-tokens fungible tagħhom stess. Id-djar tal-irkant fosthom Christie’s u Sotheby’s użaw lil dan is-settur ġdid biex jespandu u jilħqu aktar klijenti.
Skont ir-rapport ta’ stħarriġ tal-crypto mill-Kraken Intelligence għall-2021 il-popolarità tal-NFTs żdiedet fit-tieni kwart sakemm fit-tielet kwart splodiet bl-introduzzjoni tagħhom fis-settur tal-logħob. Fit-tieni nofs tas-sena NFTs ġew integrati aktar fl-industrija tal-mużika minħabba li l-kantanti riedu qligħ akbar għall-mużika tagħhom.
Sa tmiem l-2021 is-suq tal-NFTs kiber fost udjenza aktar wiesgħa u espanda fuq diversi setturi nklużi tal-arti, tad-DeFi, tal-gaming u tal-metaverse. Bħalma rrapporta l-CryptoSlate f’Diċembru li għadda, l-akbar tkabbir kien fis-settur tal-gaming li esperjenza żieda ta’ 70% fil-bejgħ. L-akbar tkabbir bħala bejgħ kien fis-settur tal-kollezzjonijiet fejn irreġistra żieda ta’ 59%.
L-informazzjoni li ħarġet minn dan ir-rapport twassal għal konklużjoni interessanti – filwaqt li l-oġġetti ta’ kollezzjoni kellhom l-akbar żieda fil-valur tal-prezz YoY, it-tokens tal-gaming kellhom ħafna aktar bejgħ. Dan ifisser li aktar persuni marru għall-NFTs tal-gaming milli dawk ta’ kollezzjoni iżda dawk li nvestew fl-oġġetti tal-kollezzjoni għamlu dan b’investiment ta’ flus akbar minn dak irreġistrat fl-2020.
Bħala valur ta’ bejgħ l-NFTs tal-gaming raw l-akbar tkabbir mill-ewwel kwart tal-2021 sat-tielet kwart. Dan kien ta’ 7,302%. Sar-raba’ kwart ta’ din is-sena, meta l-interess qawwi fl-NFTs beda jonqos, is-setturi tal-metaverse u tal-utility baqgħu jikbru fil-valur ta’ bejgħ tagħhom.
Kulħadd jipprova jbill subgħajh!
Għadd ta’ kumpaniji ħatfu l-okkażjoni biex huma wkoll jagħmlu l-flus minn dan is-settur diġitali ġdid. In-Nike bdew il-kampanja “Cryptokick”, pjattaforma li toħroġ NFT ma’ kull żarbun mixtri. B’dan il-mod kull min jixtri żarbun tan-Nike, ikun jista’ jivverifika li l-prodott li xtara huwa oriġinali u “jżommuh f’locker virtwali”. Il-kompetitur tagħhom – Adidas – ftit wara ħabbar li se jagħmel NFTs rari taħt din il-brand ukoll. Louis Vuitton daħal fis-settur bil-logħba fuq il-blockchain “Louis the Game” li hija avventura bbażata fuq NFT iddisinjata b’kollaborazzoni ma’ Beeple.
L-NFTs mhumiex popolari biss ma’ kumpaniji kbar iżda anke fost kantanti, atturi u atleti li ddeċidew li huma wkoll jidħlu fid-dinja tal-NFTs u jagħmlu l-flus minnhom.
Fost dawn hemm:
* Snoop Dogg li għamel “A Jorney with the Dogg” għall-bejgħ bil-prezz ta’ aktar minn €88,000;
* Lindsay Lohan għamlet “Lullaby” għall-prezz ta’ aktar minn €75,000;
* Kings of Leon għamel “When You See Yourself” li tiswa aktar minn €1.76 miljuni;
* Paris Hilton b’”Hummingbird in My Metaverse”, “Legend of Love” u “Iconic Crypto Queen” għall-prezz ta’ aktar minn €0.88 miljun;
* Grimes għamel “WarNymph” li qiegħed jitlob madwar €5.3 miljuni;
* Doja Cat ħareġ “Need to Know” bħala tokens ta’ aċċess bil-prezz ta’ aktar minn €166,000:
* Emily Ratajkowski b’”Buying Myself Back” għal madwar €154,000;
* Jay Z għamel l-artwork “Heir to the Throne” u qiegħed jitlob għaliha madwar €122,000;
* Ellen DeGeneres għamlet “Woman With Stick Cat” għall-prezz ta’ madwar €29,000;
* Naomi Osaka b’token ta’ aċċess intitolat “Noami Osaka Preseason Access Pass” għall-prezz ta’ bejn it-€11 u l-€88;
* Lionel Messi ħareġ l-artwork “The Messiverse” b’valur ta’ aktar minn €8 miljuni; u
* Andy Murray ħareġ għall-bejgħ vidjow – ”Moments – Andy Murray Wins Wimbledon 2013” – bil-prezz ta’ madwar €157,000.
Settur mimli potenzjal imma b’diffikultajiet
Il-popolarità tal-NFTs wasslet għal rapportaġġ iddettaljat fuq il-midja. Filwaqt li l-industrija tal-crypto affaxxinat ruħha fuq l-approċċ innovattiv li wieħed jakkwista u jkun sid ta’ assi diġitali, il-midja “tradizzjonali” baqgħet attenta kif tirrapporta din is-sensazzjoni u ffokat l-aktar fuq il-prezzijiet esaġerati li bdew jinbigħu bihom dawn l-NFTs.
Li l-midja tradizzjonali naqset milli tifhem huma l-implikazzjonijiet li l-NFTs kellhom fuq għadd ta’ industriji. Il-Kraken Intelligence fi żmien qasir sab li NFTs kienu aktar minn sempliċi arti. Karatteristika oħra hija li n-non-fungible tokens huma pprogrammati b’tali mod li jagħtu parti mill-qligħ ta’ bejgħ lil dawk li ħolquhom oriġinarjament.
Filwaqt li l-analiżi minn Kraken issostni li l-interess fl-NFTs se jibqa’, tinnota li se jkun hemm problemi li s-settur irid jara kif isolvihom fosthom tal-iffalsifikar u kopji llegali.
L-aktar NFTs li ġabu flus…
“Stay Free” ta’ Edward Snowden, prezz – €4.76 miljuni – Il-whistleblower Edward Snowden li kixef ksur fil-liġijiet Amerikani għandu wiċċu magħmul mill-paġni tad-deċiżjoni ta’ qorti tal-appell f’dan l-NTF. Il-qligħ mill-bejgħ ingħataw b’donazzjoni lill-Freedom Press Foundation li Snowden huwa president tagħha.
Il-kollezzjoni “Genesis” ta’ Ross Ulbricht, prezz – €3 miljuni – Il-pjattaforma SuperRare tellgħet irkant ta’ din il-kollezzjoni f’Diċembru tal-2021 li tinkludi kitba, arti u animazzjoni. Ross Ulbricht huwa l-persuna li ħoloq is-Silk Road market u kien jaħdem fuq id-Darknet. Huwa kien arrestat mill-FBI fl-2013 u ngħata sentenza ta’ għomor il-ħabs mingħajr parole. Huwa nstab ħati ta’ diversi akkużi fosthom konspirazzjoni u ħasil ta’ flus kif ukoll traffikar ta’ narkotiċi fuq l-internet u hacking. Filwaqt li għad hemm tentattivi għall-ħelsien ta’ Ulbricht, huwa qiegħed juża t-talent tiegħu biex jgħin artisti bħalu u priġunieri billi jagħtihom fondi.
“A Coin for the Ferryman” ta’ XCOPY, prezz – €5.29 miljuni – Din saret fl-2018 u hija waħda mill-ewwel xogħlijiet magħmula mill-artist famuż XCOPY. Ix-xogħlijiet tiegħu jesploraw suġġetti bħall-mewt u apatija. Ironikament huwa jirreferi għall-istat preżenti tas-suq tal-arti u l-midja soċjali b’titli bħal “This is Clearly Money Laundering” (Dan huwa ovvju li huwa ħasil ta’ flus) u “You’re Wasting Your Life. Literrally” (Qiegħed taħli ħajtek. Litteralment).
“Ocean Front” ta’ Beeple, prezz – €5.29 miljuni –
Mike Winkelmann, magħruf bħala Beeple, huwa graphic designer u artist tal-NFTs li sar famuż meta s-sena l-oħra, waħda mill-NFTs tiegħu nbiegħet bil-prezz fenomenali ta’ $69 miljuni. Biċċa xogħol oħra minn tiegħu, “Ocean Front” inbiegħet għal $6 miljuni u għamlitu l-aktar artist ta’ suċċess fis-suq tal-NTFs. “Ocean Front” għandha bħala tema l-bdil fil-klima u l-flus li nġabru ngħataw lill-Fondazzjoni Open Earth li l-għan tagħha huwa li tiżviluppa infrastrutturi diġitali favur l-ambjent.
“Right-click and Save As guy” ta’ XCOPY, prezz – €5.8 miljuni – Biċċa xogħol oħra minn XCOPY li nbigħet għal diversi miljuni f’Diċembru li għadda fuq il-pjattaforma SuperRare. Din inxtrat minn Snoop Dogg magħruf fid-dinja diġitali bħala Cozomo de’ Mediċi. Dan il-mużiċist xtara wkoll “Some Asshole NFT” għall-prezz ta’ $4 miljuni.
“Crossroads” ta’ Beeple għal €5.82 miljuni – Din hija waħda mill-aktar NFTs għoljin għas-sena 2021 fejn fi Frar li għadda Nifty Gateway neħħiha għall-prezz ta’ $6.6 miljuni. Din saret bit-tema tal-elezzjoni presidenzjali f’żewġ verżjonijiet – waħda li fiha Donald Trump jidher rebbieħ mentri l-oħra turi li tilef l-elezzjoni. Din l-NFT tikkonsisti f’file encrypted f’format ta’ vidjow u għandu struttura diġitali li tagħmilha impossibbli li xi ħadd jagħmel kopja tagħha.
“CryptoPunks” erbgħa minnhom, prezz totali – €26 miljuni – CryptoPunks huma fost l-aktar xogħlijiet bikrija fuq il-blockchain Ethereum. Offruti għall-bidu bla ħlas għal kull min kellu portafol Ethereum, dawn jistgħu issa jinkisbu biss fuq marketplace u l-valur totali tal-bejgħ tagħhom s’issa laħaq il-$1.91 biljuni. Is-sena l-oħra erbgħa CryptoPunks inbiegħu għal aktar minn $30 miljun – CryptoPunk 3100 ($7.51 miljuni); CryptoPunk 7804 ($7.56 miljuni); CryptoPunk 4156 ($10.35 miljuni) u CryptoPunk 7523 ($11.75 miljuni).
“HUMAN ONE” ta’ Beeple, prezz – €25 miljuni – Mibjugħ b’irkant minn Cristie’s għall-prezz ta’ $28.9 miljuni, “HUMAN ONE” huwa wieħed mill-aktar NFTs li ġabu prezz fenomenali meta nibiegħu s-sena l-oħra. B’differenza ta’ NFTs oħra, dan huwa skultura diġitali u fiżika hybird li tgħaqqad vidjow u effetti kinetiċi għal esperjenza unika.
“Everydays – The First 5000 Days” ta’ Beeple, prezz – €62 miljuni –
Din qajmet ħafna kontroversja dwar l-NFTs u l-fatt li hija minn Beeple wasslet għal aktar ferneżija fost il-kollezzjonisti li rieduha. Hija t-tielet l-ogħla prezz li qatt tħallas f’irkant għal xogħol ta’ artist li għadu ħaj. L-artist Tom Judd talab lil Beeple biex jibda proġett lura fl-2007 fejn ta’ kuljum ittieħdu ritratti għall-ħamest elef jum segwenti u wara għaqduhon f’wieħed diġitali. Uħud mir-ritratti jinkludu persunaġġi famużi fosthom Jeff Bezos u Donald Trump.