Wednesday, December 25, 2024

Uħud mill-films animati li rajna ftit tas-snin ilu

Aqra wkoll

Illum ħafna aktar familji qed ikollhom joqogħdu d-dar minħabba  ċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom.  Madwar il-familja, żgur ikun hemm it-tfal u għal dawk li jħobbu films animati, ser infakkarkom f’uħud mill-aqwa films li rajna ftit tas-snin ilu u forsi tixtiequ terġgħu tiftakru fihom.  Ser nikkonċentra fuq films li ħarġu bejn is-sena 2001 u l-2010 għax dawn forsi intesew.

  • F’Ġunju 2001, iċ-ċinema lokali laqgħet lil Shrek, il-ġgant stramb li kien jgħix għalih waħdu imma daru tispiċċa nvaduta minn ħafna karattri li naqraw dwarhom fil-ħrejjef.  Lord Farquaad ikun lest li jgħinu jekk Shrek imur fil-kastell u jġiblu lill-Prinċipessa Fiona ħalli Farquaad jiżżewwiġha.  “Shrek” kellu tliet sequels bl-aħħar wieħed “Shrek Forever After” rajnih f’Lulju 2010.
  • F’Marzu 2002 kien beda jintwera f’Malta “Ice Age”.  L-istorja teħodna madwar 20,000 sena ilu, meta t-temperatura fid-dinja niżlet b’mod allarmanti.  Annimali jsibu tarbija umana u jippruvaw jieħduha lura lill-ġenituri tagħha.  L-avventura ma tonqos.  Is-suċċess ta’ l-ewwel film wassal biex joħorġu erba’ sequels, bl-aħħar wieħed “Ice Age: Collision Course rajnih f’Lulju 2016.
  • F’Ottubru 2003 kien ħareġ fit-teatri lokali l-blockbuster ta’ dik is-sena, “Finding Nemo”.  Hu wieħed stupend mimli tagħlimiet fejn il-protagonist hu clownfish żgħir.  Missieru Marvin ikun protettiv iżżejjed.  Nemo ikun irid juri kemm kien għawwiem bravu u jispiċċa jgħum lill hinn minn fejn kien pemess u jinqabad f’xibka.  F’Awwisu 2016 rajna s-sequel “Finding Dory” li hu tajjeb daqsu.
  • Fl-2004, il-film ewlieni kien “Shrek 2”.  Imma f’dik is-sena rajna ukoll “The Incredibles”.  Mimli avventura, Mr. Incredible ikun is-supereroj li kulħadd ifittex meta jsib ruħu fil-periklu.  Darba, Mr. Incredible isalva persuna minn ħalq il-mewt.  Imma din il-persuna ma rieditx lil min isalvha.  Minn fuq, din il-persuna tfittex lill-gvern għad-danni!  F’Malta kien ħareġ f’Diċembru.
  • Fl-2005 ma kienitx xi sena tajba għall-films animati.  L-aħjar li mar fil-box office kien “Madagascar” li rajnih f’Lulju.  Hawnhekk niltaqgħu ma’ l-annimali fil-ġonna żooloġiċi ta’ New York.  Dawn l-annimali ma jkun jonqoshom xejn.  Meta ż-żebra jkollha jkollha għeluq sninha iffaqqas fellus f’moħħha biex tmur fl-ambjent selvaġġ naturali.  “Madagascar” kellu żewġ sequels u anke spin-off: “Penguins of Madagascar” li rajna f’Diċembru 2014.
  • Fl-2006, il-film animat ewlieni kien “Cars”.  Il-karozza protagonista jisimha Lightning McQueen. Flimkien mal-karozzi Chick Hicks u King kienu jiddominaw kull tellieqa.  Il-konfront finali bejniethom ikun sejjer isir fi żmien ġimgħa fil-korsa ta’ Kalifornja.  L-istorja toħroġ b’mod qawwi l-valur tal-ħbiberija u l-familja.  Hawn Malta beda jintwera f’Awwissu.  “Cars” kellu żewġ sequels, b’“Cars 3” rajnih f’Lulju 2017
  • 13-il sena ilu, il-film animat li mar l-aħjar fil-box office kien “Shrek the Third”.  Imbagħad kien hemm ukoll film animat tad-Disney: “Ratatouille”.  Il-protagonist hu ġurdien blu edukat li kien joħloq riċetti ta’ ikel distinti u kellu x-xewqa li jsir kok prim f’wieħed mill-aqwa ristoranti ta’ Franza.  Hawn Malta konna rajnih f’Ottubru 2007.
  • Fl-2008 kellna “WALL-E”.  Dan hu l-aktar film animat addattat għall-mument li ninsabu fih.  Huwa film li jekk qtajt qalbek, joffrilek it-tama.  Fil-bidu tan-narrattiv, id-dinja tkun art moxa ma kullimkien, mimlija muntanji ta’ żibel.  L-unika ħaġa tiċċaqlaq hu robot msaddad.  Sa tmiem il-film, tirritorna r-razza umana u l-ħaxix jerġa jisponta mill-art.  F’Malta kien ħareġ f’Lulju.
  • “Up” kien l-għaxar film animat tal-Pixar, u kellu l-akbar suċċess fl-2009 mill-films animati.  Il-protagonist kien ix-xwejjaħ armel Carl li ried jaqta’ ix-xewqa li kellha martu qabel mietet.  Hu jorbot eluf ta’ bżieżaq tal-kulur mad-dar, jaqlagħha mill-pedament, jibda tiela’ ’l fuq u jinnaviga biex imur Paradise Falls.  Malli d-dar tibda tiela’ fis-smewwiet, Carl jieħu ħasda: tliet taħbitiet fuq il-bieb u malli jiftaħ il-bieb, Carl isib it-tfajjel Russell fil-veranda.  Dan il-film kien iddebutta lokalment f’Ottubru ta’ ħdax-il sena ilu.
  • “Toy Story 3” kellu success enormi tant li qabeż id-dħul ta’ biljun dollaru f’dak li hu dħul fl-2010.  Is-sequel “Toy Story 4” li rajna s-sena l-oħra kellu dħul ftit akatr mill-film animat ta’ għaxar snin ilu.  Ġo “Toy Story 3,” Andy ikun wasal biex imur il-high shool u allura l-ġugarelli mgħadhomx ċentrali f’ħajtu. Għalhekk, il-qofol tan-narrattiv hi kif dawn il-ġugarelli ma jispiċċawx bħal tant oħra ma’ l-iskart.  Il-film għandu tmiem sentimentali. Rajnih f’Lulju 2010.

Nittama li dan it-tagħrif fakkarkom f’numru ta’ films li forsi wieħed nesa u tieħdu gost terġgħu tarawhom.

Ekonomija

Sport