Saturday, December 21, 2024

“Uħud qed jgħixu fl-ogħla sulari ta’ djar mgħarrqin … ħafna annimali nġarru mill-ilmijiet”

Mara ta’ dixxendenza Maltija li tgħix f’Sydney titkellem dwar l-għargħar fil-belt

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Is-sitwazzjoni f’Sydney mhix waħda sabiħa xejn. L-ilmijiet qed ikomplu jgħerrqu aktar postijiet u skont tbassir jidher li din id-darba se ndumu aktar mill-għargħar li laqatna fl-aħħar xhur”. Iddikjarat dan ma’ Talk.mt residenta f’Hawkesbury f’Sydney. 

Is-sitwazzjoni qiegħda tevolvi b’mod mgħaġġel ħafna u għalhekk fl-aħħar sigħat iċ-ċittadini ġew mgħarrfa biex ikunu ppreparati li jevakwaw anke f’ħin qasir. Sydney hija meqjusa bħala t-tieni l-ikbar belt Awstraljana u fl-aħħar xhur esperjenzat sitwazzjonijiet ta’ għargħar għal diversi drabi. F’Marzu li għadda 20 persuna kienu tilfu ħajjithom kawża ta’ għargħar. 

Din ir-residenta ta’ dixxendenza Maltija kompliet tgħid magħna li għalkemm hi u familtha jgħixu fuq il-muntanji, ix-xena fiż-żona hija waħda katastrofika ta’ kullimkien moħbi taħt l-ilmijiet.

Rigward in-nies tal-belt, hija qalitilna li hemm dawk il-familji li qed jagħżlu li jgħixu f’riskju f’residenzi bl-ewwel sular mgħarraq taħt lilmijiet u meta jiġu biex jixtru jużaw id-dgħajsa tagħhom personali. Oħrajn minkejja li m’għandhomx din il-faċilità, saħansitra jirrifjutaw l-għajnuna tal-membri tas-salvataġġ u jagħżlu li jibqgħu fil-partijiet tar-residenzi tagħhom li mhumiex mgħarrqin bir-riskju li l-ilmijiet jibqgħu jiżdiedu.

Windsor Bridge kif kien jidher qabel ma spiċċa mgħarraq

Rigward l-annimali, l-Awstraljana qalitilna li ħafna minn dawk l-annimali li ntlemħu mfixklin fl-ilmijiet ġew miġbudin bil-ħbula lejn art li mhijiex mgħarrqa, iżda sfortunatament ħafna mill-annimali speċjalment dawk żgħar bħalma huma nagħaġ u mogħoż fost annimali oħra, spiċċaw inġarru mal-ilmijiet.

Bħala residenta li esperjenzat għal aktar minn darba din is-sitwazzjoni, hija qalet magħna li x’aktarx li din id-darba l-maltemp se jippersisti għal aktar ġranet fejn kien hemm drabi li għamlu 16-il jum ma jistgħux jivjaġġaw minħabba toroq mgħarrqin fl-ilmijiet. F’ritratti mibgħuta lil dan is-sit jidher li Windsor Bridge spiċċa mgħarraq għal kollox mill-ilmijiet u b’hekk l-aċċess għall-ivjaġġar huwa wieħed limitat ħafna jew li jieħu ferm aktar ħin (sigħat).

Windsor Bridge kif qed jidher wara l-għargħar

Rigward jekk l-awtoritajiet jgħinux lil dawk milqutin mill-għargħar, hija spjegat li meta jitbaxxew il-livelli tal-ilmijiet, dawk li jsofru ħsarat estensivi jkollhom dritt li japplikaw għal sussidji biex isewwu l-ħsarat tagħhom, iżda ovjament kull applikazzjoni tkun trid tiġi evalwata b’reqqa skont it-talbiet tal-applikant u l-analiżi tal-ħsara kkawżata.

Bħala persuna li tmexxi negozju li jinkludi xogħol fir-raba’, il-mara esprimiet id-diżappunt għal mod ta’ kif isiru l-affarijiet fil-belt. Dan hekk kif filwaqt li bħalissa hemm tħassib li d-diga ewlenija fil-belt tista’ tkun ta’ periklu jekk tibqa’ tfawwar bl-ilmijiet, fi ġranet oħrajn ta’ nixfa, l-ilmijiet akkumulati setgħu tqassmu f’għelieqi għat-tisqija. 

“Li kieku jkun hemm ftit aktar ħsieb, id-diga ma tispiċċax tfur mal-ewwel għax meta jaħkimna l-maltemp ikun diġà fiha ammont sostanzjali ta’ ilma”, tenniet tgħid ma’ Talk.mt.

Ekonomija

Sport