Fl-aħħar jiem kienu diversi dawk il-persuni li taw kenn persuni Ukreni u li tkellmu magħna dwar dawn l-Ukreni li ġew f’pajjiżna minħabba l-gwerra u xi drittijiet għandhom fejn tidħol il-kura tas-saħħa. Dawn l-Ukreni u persuni oħra kienu qegħdin jistaqsu jekk dawn l-Ukreni li waslu f’pajjiżna għandhomx id-dritt ta’ kura tas-saħħa bla ħlas fl-isptarijiet pubbliċi.
Sorsi li tkellmu ma’ talk.mt qalu li “nixtiequ li nkunu nafu x’jiġri jekk Ukreni li ġew f’Malta jmorru fi sptarijiet pubbliċi. Sa issa għadna ma nafu xejn. Jista’ jkun il-każ li jkun hemm minnhom li jkollhom bżonn li jkunu rikoverati fi sptar.
Talk.mt għamlet kuntatt mal-Ministeru għas-Saħħa dwar is-sitwazzjoni ta’ l-Ukreni u jekk dawn humhiex intitolati għal saħħa bla ħlas. Il-Ministeru qalilna li “fuq inizjativa tal-Unjoni Ewropea, kull pajjiż Ewropew qabel fuq miżura ta’ ‘Temporary Protection Status’ għal kull ċittadin Ukren li ġie milqut mill-gwerra. Għalhekk, Ukreni li ġew hawn Malta u li nħarġitilhom status ta’ protezzjoni huma intitolati għal kura tas-saħħa b’xejn fi sptarijiet publiċi.”