Sunday, February 1, 2026

Uliedna fiċ-Ċentru huwa prinċipju mħaddan minn Gvern li qed jisma’ mit-tfal u ż-żgħażagħ biex ikompli jtejjeb lil Malta

Diskussjonijiet interessanti fuq l-isport, il-HW Policy, it-teknoloġija u r-riforma dwar l-użu tal-midja soċjali fost l-addoloxxenti

Aqra wkoll

F’diskussjoni ma’ numru ta’ addoloxxenti, żgħażagħ u tfal flimkien ma’ adulti intiżi fuq temi differenti, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-iskema tal-gyms bla ħlas ippreżentata anki fil-Budget għal din is-sena se jkollha bidla biex dawk iż-żgħażagħ li gawdew mill-inizjattiva s-sena l-oħra imma għadhom jaqgħu fl-etajiet ta’ bejn is-16 u l-21 sena (kif estiża għal din is-sena), issa se jerġgħu jgawdu mill-iskema ta’ sitt xhur gym bla ħlas.

Din hija bidla għall-aħjar minn dak imħabbar biex il-Gvern se jkompli jwettaq aktar milli jwiegħed anki fi sfond li l-ekonomija b’saħħitha li għandu l-pajjiż tippermetti li nkomplu nsaħħu l-iskemi ta’ ġid. Dr Abela qal ukoll li din l-inizjattiva għandna nħarsu biex mhux biss igawdu ż-żgħażagħ iżda kategoriji oħra ta’ etajiet differenti.

Fid-diskussjoni room4ideas bit-tema ‘Uliedna fiċ-Ċentru’, l-isport kien fost it-temi li ġew diskussi fejn sar aċċenn dwar l-investiment fl-infrastruttura sportiva fosthom f’faċilitajiet state-of-the-art.

Hawn issemma l-Kumpless Sportiv tal-Marsa b’investiment massiċċ li se jkun fost il-faċilitajiet sportivi li se jintużaw mill-Youth Commonwealth games, avveniment sportiv internazzjonali li se jospita s-sena d-dieħla pajjiżna. Il-Prim Ministru qal ukoll li dwar l-OCR, attività sportiva li tirrikjedi ċertu spazju, il-Gvern għaddej b’taħdidiet biex nilqgħu għal din l-attività.

Dr Abela spjega kif fl-iskejjel tagħna rridu nkomplu nżidu l-attività fiżika, bit-tfal u ż-żgħażagħ jisħqu fuq l-importanza tal-isport bħala stil ta’ ħajja li anki jgħin lis-saħħa mentali. Issemma kif illum għandna sitwazzjoni ta’ ġenituri li jemmnu li wliedhom jistgħu jaqbdu professjoni u karriera fl-isport. Xi ħaġa li fil-passat qajla kienet teżisti. Kienet trattata wkoll ir-riforma dwar l-użu tal-midja soċjali fost l-addoloxxenti fejn intqal kif il-Gvern għaddej b’konsultazzjoni permezz ta’ Green Paper li ressaq biex noħolqu bilanċ u nagħtu ambjent san lill-adoloxxenti.

Fid-diskussjoni tqajjem il-punt dwar il-homework u l-ħtieġa ta’ dejjem aktar bilanċ u diversità fl-għoti tal-homework. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Gvern għaddej bi tfassil ta’ HW Policy fejn hemm numru sabiħ ta’ għalliema u ġenituri qed jieħdu sehem. Qal li tajjeb ukoll li nisimgħu mit-tfal fuq kollox. “Aħna għandna fiduċja fl-għalliema tagħna u nemmnu li huma jafu x’inhu addattat”, sostna l-Mexxej Laburista.

Dr Abela aċċenna wkoll fuq l-importanza tal-qari u kif jlaqqa’ lit-tfal ma’ ħafna għarfien fuq temi varji. Hawn semma wkoll miżura tal-Budget tas-sena l-oħra li tat voucher għax-xiri tal-kotba u fil-fiera nazzjonali tal-ktieb rajna bosta ġenituri jinvestu f’uliedhom f’aktar xiri ta’ kotba.

Temi oħra li qamu fid-diskussjoni bit-tema ‘Uliedna fiċ-Ċentru’ kienu l-użu tat-teknoloġija u l-Intelliġenza Artifiċjali b’argumenti favur l-għodda diġitali u l-investiment fiha favur l-iżvilupp edukattiv ta’ wliedna. Hawn issemma kif l-istudenti llum għandhom l-għodda diġitali bħat-2 in 1 device u l-laptop għal kull student mir-raba’ sena tal-Primarja sas-Sekondarja.

Bosta tfal tkellmu kif l-għodda diġitali qed tgħinhom anki fil-homework. Imbagħad dwar l-Intelliġenza Artifiċjali ntqal kif din qed tolqot il-ħajja tal-bniedem u t-taħriġ fuqha biex ikollna opportunitajiet ta’ kwalità, hi importanti.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li ‘Uliedna fiċ-Ċentru’ hija lil hinn minn tema iżda prinċipju li l-Gvern qed iħaddan f’Malta li tħares ’il quddiem biex dejjem tkun aħjar. Spjega kif il-Gvern qed jagħti valur lill-konsultazzjoni mat-tfal u ż-żgħażagħ u ta l-ewwel sinjali meta ħoloq il-Youth Advisory Forum bħala Kabinett taż-Żgħażagħ li fih il-Gvern jikkonsulta fuq diversi temi maż-żgħażagħ.

Mudell li ħaditu wkoll il-Kummissjoni Ewropea wara l-eżempju ta’ Malta. Dr Abela semma wkoll il-konsultazzjonijiet li qed jagħmel il-Gvern dwar spazji miftuħa li se jagħti lura l-Gvern fosthom il-White Rocks u qal li ħafna mill-ideat tat-tfal li ressqu ’l quddiem kif nistgħu nibdlu dan l-ispazju, il-Gvern se jattwahom.

Il-Prim Ministru Robert Abela semma l-Viżjoni Malta 2050 u kif din se jippreżentaha l-Gvern imma huma ż-żgħażagħ tal-lum u t’għada li se jwassluha għal inqas minn 25 sena oħra. Dr Abela rrefera wkoll għal diversi proġetti oħra fosthom meta fid-diskussjoni ssemmiet l-arti u l-kultura fejn issa l-proġett tal-Culture Hub se jibda wara li ngħata t-tender.

Apparti numru ta’ tfal u żgħażagħ li ħadu sehem fid-diskussjoni, ipparteċipaw ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat, il-Kap tal-Iskola Primarja tal-Gudja Marion Falzon Ghio, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Atletika, eks atleta u kowċ Mario Bonello, il-Psikoterapista u Parent Coach Daniela Farrugia Camoin u Aaron Debattista li jaħdem fl-esports.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport