Sunday, December 22, 2024

Under 16: Malta megħluba b’żewġ goals fl-ewwel taqsima

Aqra wkoll

It-tim nazzjonali Malti ta’ Taħt is-16-il sena ta bidu għall-UEFA Development Tournament illum b’telfa ta’ 2-0 xejn kontra l-Estonja. It-tim tal-coach Andreas Vella tħabat biex iħabbat wiċċu mal-Estonjani li rriżultaw bħala tassew fiżiċi u veloċi.

Id-Development Tournaments taż-żgħażagħ ta’ taħt is-16-il sena tal-UEFA jistgħu jitqiesu l-aħjar bħala għodda għall-Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet Ewropej kollha biex jgħinu biex il-plejers żgħażagħ jiġu introdotti fil-futbol internazzjonali u eventwalment, triq bla xkiel fil-logħba tal-kbar. Il-UEFA nediet dawn it-tournaments ta’ tħejjija fl-2012 bħala mod kif toffri lill-players elite taż-żgħażagħ irġiel u nisa l-opportunità li jgawdu minn partiti internazzjonali intensi u jitgħallmu dwar l-ivvjaġġar barra minn xtutna bħala parti minn skwadra. L-avvenimenti għandhom regoli speċifiċi bħal ħin minimu tal-logħob tal-kampjonat għal kull player u penalties f’każ ta’ draw, biex jemfasizzaw l-iżvilupp tal-plejers aktar milli l-kompetizzjoni nnifisha.

Malta sabitha diffiċli biex issib saqajha fl-ewwel taqsima u l-Estonja fetħu l-iskor fl- 20 minuta, grazzi għal Maxim Vikman li x-xutt b’saħħtu tiegħu għelebgoalkeeper Malti James Sissons. L-ospiti kellhom il-mumenti tagħhom, tul l-ewwel taqsima iżda ftit li xejn ħolqu periklu fil-kaxxa avversarja. Fil-41 minuta, l-Estonjani rduppjaw l-iskor b’daqqa ta’ ras ta’ Romet Nigula minn cross preċiż ta’ Matthias Limberg.

Il-Maltin bdew tajjeb wara l-mistrieħ bis-sostitut Denzil Muscat jersaq viċin fil-51 minuta b’xutt fil-baxx li falla l-mira bi ftit. Min-naħa l-oħra, il-captain tal-Estonja Patrik Kristal kellu ftit opportunitajiet tajbin biex iżid it-tielet goal għalihom, iżda ġie mċaħħad mill-goalkeeper Malti, James Sissons. Fl-aħħar parti tal-partita, Malta żammet aktar il-pussess u ħolqot ftit opportunitajiet ta’ skor, li iżda ma kellhomx l-effett mixtieq, bl-Estonjani bil-kalma jżommu l-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.

It-tournament ikompli nhar is-Sibt fit-training grounds ta’ Ta’ Qali bil-partita bejn l-Iżlanda u l-Estonja fil-11.00am, filwaqt li l-Maltin jilagħbu fit-3pm kontra l-Armenja.

Malta: James Sissons, Lydon Seychell (Adam Vella 58), Jayden Vella (Jake Borg 58), Shelom Magri (Karl Grima 67), Nathan Joyce (Eslam El-Nasar 76), Sheldon Borg, Claude Mercieca, Luke Bugeja (Jerome Baldacchino 67), Thomas Melillo, Keyon Ewurum (Emerson Piscopo 76), Hijazi Ubada (Denzil Muscat 46) Coach: Andreas Vella

Estonja: Miron Vetkal, Jevgeni Tsernjakov, Joosep Palts, Hubert Liiv (Airon Kollo 89), Maxim Vikman, Fjodor Jekimov, Matthias Limberg (Raian Soosalu 76), August Wagner (Maksimilian Skvortsov 76), Marlon Liivaru (Artur Dyakiv, 59), Patrick Kristal, 59 Romet Nigula (Kristjan Troon 89) Coach: Marko Parnpuu

Referee: Wayne Sammut (Malta)

Ekonomija

Sport