Saturday, December 21, 2024

Under 16 – Malta megħluba minn Ġibiltá wara l-għoti tal-penalties

Aqra wkoll

It-Development Tournament għas-subien ta’ Taħt is-16-il sena, imniedi mill-UEFA fl-2012 u l-aħħar li sar f’Malta fl-2019, beda b’partita bejn it-team ospittu Malta u Ġibiltà. Il-partita spiċċat fi draw ta’ 1-1, b’Ġibiltà jirbħu wara l-għoti tal-penalties. Iż-żewġ parteċipanti l-oħra huma San Marino u Liechtenstein.

Dawn it-tournaments qed isiru bil-għan li l-players jakkwistaw esperjenza internazzjonali, b’enfasi fuq l-iżvilupp tal-players aktar milli r-rebħ. L-avvenimenti għandhom rwol edukattiv u kulturali speċjali. Il-plejers jitgħallmu dwar il-valuri ewlenin tal-UEFA bħar-rispett u l-fair play u, permezz tat-taħlit fil-kampjonati, jiskopru pajjiżi u kulturi differenti.

Malta ħarġet fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti tentattiv minn daqqa ta’ ras ta’ Javan Peacock stampa mal-wieqfa. Fit-12-il minuta, Keyon Ewurum twaqqa’ fil-kaxxa u l-captain Malti Liam Delicata minn penalty għeleb lill-goalkeeper ta’ Ġibiltà, Thomas Recagno. Il-captain ta’ Ġibiltà Jaiden Bartolo seta’ kiseb id-draw fid-19-il minuta iżda x-xutt fil-baxx tiegħu tiegħu falla l-mira. Ftit wara, fit-tentattiv li jikklerja l-ballun minn corner ta’ Malta, Matthew Hamilton laqat il-lasta. Fit-43 minuta, azzjoni individwali mill-isbaħ ta’ Ewurum setgħet intemmet aħjar iżda x-xutt tiegħu għadda għoli. Fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, xutt minn distanza ta’ 30 metru ta’ Kai Mauro spiċċa mal-mimduda.

It-tieni taqsima kienet inqas entużjażmanti bir-riħ li kompla jiżdied u li ċertament lagħab il-parti tiegħu. Fil-65 minuta, il-Maltin resqu viċin li jirduppjaw meta xutt angolat ta’ Aiden Zammit falla l-mira. Ġibiltá żiedu l-pressjoni lejn it-tmiem u Hamilton seta’ għamel aħjar żewġ minuti fil-ħin miżjud iżda l-isforz tiegħu ġie salvat minn Niklas Vella. Madankollu, Ġibiltà ġew ippremjati b’penalty fl-aħħar sekondi tal-logħba meta Bartolo twaqqa’ fil-kaxxa. Vella salva x-xutt ta’ Bartolo iżda l-istess player mir-rebound tefa’ ġewwa. Eventwalment, Ġibiltà rebħu l-partita wara l-għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 4-2.

Malta – Niklas Vella, Kewell Fardell, Lucas Okeke, Kean Scicluna, Shaun Carabott (Sasha Glumac 67), Kayden Farrugia (Nic Briffa 67), Aiden Zammit, Liam Delicata (Lenny Mattocks 88), Nicholas Agius (Peter Ohaka 67), Felippe Bugeja, Keyon Ewurum Coach: Andrea Vella

ĠIBILTÁ – Thomas Recagno, Javan Peacock, Tayler Carrington, Kai Mauro, Matthew Hamilton, Jeremy Perera (Jerome James Linares 84), Dylan Duo (Kaleem Smith 63), Sebastian Diaz (John Rush 71), Joachim Ostheider (Ashton Hancock 63), Lee Chipolina, Jaiden Bartolo Coach: Jonathan Sodi

Referee: Joseph Scerri 

Ekonomija

Sport