MALTA…………..1
SAN MARINO….2
It-tim nazzjonali Malti ta’ Taħt is-16-il sena sofra telfa stretta ta’ 2-1 fit-tieni logħba tiegħu mill-UEFA Development Tournament, f’konfront li ntlagħab nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali.
Fil-ħames minuta, il-Maltin resqu qrib li jiftħu l-iskor, meta Matthew Higgans temm ġirja veloċi fuq ix-xellug, qabel għadda l-ballun fid-direzzjoni ta’ Mateja Stevanovic, iżda dan ma rnexxilux jagħmel kuntatt mal-ballun.
Madankollu, San Marino marru fil-vantaġġ fit-tmien minuta, meta freekick ġie mblukkat mill-barriera Maltija, iżda l-ballun intemm għand Francesco Monaldi, li x-xutt tiegħu ġie mxellef minn Diego Prendi, u ntemm ġewwa.
Malta dehru li rkupraw minn dan il-goal kiesaħ u biered, u bdew jikkontrollaw il-biċċa l-kbira tal-logħob f’nofs il-grawnd, iżda San Marino xorta kellhom l-opportunitajiet tagħhom fuq il-kontrattakk.
Fit-33 minuta, San Marino rduppjaw l-iskor, meta pass permezz ta’ lob sab lil Francesco Aureli, li spara l-ballun fix-xibka.
Malta ħarġet għat-tieni taqsima tfittex li tiskorja gowl kmieni, u kważi rnexxielha tagħmel dan fis-57 minuta, meta Gianni Zerafa kellu t-tenttativ tiegħi minn barra l-kaxxa jiġi mdawwar f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ San Marino, Ryan Michelotti.
Il-Maltin komplew jiddettaw il-logħob u fis-68 minuta, cross minn Kaiden Grixti sab lil Ayrem Aquilina, iżda d-daqqa ta’ ras ċentrali tiegħu ġiet salvata tajjeb minn Ryan Michelotti. Malta laqtu il-lasta fis-70 minuta, meta Jayden Roe qabad il-ballun minn tarf tal-kaxxa, u wara li avvanza tajjeb fil-kaxxa, kellu x-xutt bid-dawra jaħbat mal-lasta.
Malta finalment naqqsu l-marġni tal-iskor fil-74 minuta meta Nicholas Busuttil sab lil Kenzil Vella fuq ix-xellug, u x-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa spiċċa fix-xibka.
Fid-90 minuta, Malta rebħu penalty wara foul fil-kaxxa, li inkariga ruħu minnu Lukas Freddie Wright li iżda ra t-tentattiv tiegħu jiġi salvat minn Michelotti.
Il-logħba li jmiss ta’ Malta fil-UEFA Development Tournament se tkun nhar it-Tnejn 9 ta’ Marzu kontra Andorra, u tibda wkoll fis-1.30 pm, dejjem fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali.
MALTA: 1 Noah Mulholland, 2 Liam Gatt (16 Luke Buttigieg, 78’), 6 Kayden Hili (4 Nicholas Busuttil, 46’), 7 Mateja Stevanovic (3 Giorgio Cristauro, 63’), 8 Jayden Roe, 11 Mathew Higgans (9 Lukas Freddie Wright, 63’), 13 Liam Galea (10 Ayrem Aquilina, 63’), 14 Emerson Agius (5 Matteo Mangion, 46’), 15 Kaiden Grixti, 18 Sean Farrugia (19 Kenzil Vella, 63’), 20 Gianni Zerafa (17 Cole Zerafa, 78’) Kowċ: Davide Mazzotta
SAN MARINO: 1 Ryan Michelotti, 2 Samuel Mattei, 3 Giacomo Montali, 4 Nathan Cola, 5 Mattia Piergiacomi (14 Mattia Ceccoli, 58’), 6 Diego Prendi, 7 Augusto Ceccoli (18 Davide Frulli, 58’), 8 Francesco Monaldi (16 Samuel Baggiarni, 58’), 9 Achille Montebelli (20 Alesandro Achilli, 85’), 10 Francesco Mazza (17 Lorenzo Frisoni, 79’), 11 Francesco Aureli (13 Michele Angelini, 79’) Kowċ: Alessandro Loris Bonesso
Referee: Matteo Falzon
Skorers:: Diego Prendi 8, Francesco Aureli 33 (SM), Kenzil Vella 74 (M)
Ammoniti: Kaiden Grixti, Lukas Freddie Wright (M), Francesco Mazza (SM)



