It-team nazzjonali tat-Tfajliet ta’ Taħt is-16-il sena għeleb lil Faroe Islands bl-iskor ta’ 2-1 biex spiċċa fit-tieni post ta’ din l-edizzjoni tal-UEFA Development Tournament.
Huma temmew din l-avventura b’ħames punti, indaqs mal-Latvja, iżda l-Maltin rebħu l-konfront dirett. Dan it-tournament intrebaħ mis-Slovakkja li kisbu tmien punti.
Sara Saliba ta’ Birkirkara u l-captain ta’ Raiders Lija, Lexine Farrugia, skurjaw f’kull taqsima biex taw lil Malta l-ewwel rebħa fil-parti tal-ħin regolari ta’ dan il-kampjonat.
Il-coach, Kathleen Saliba, għamlet xi bidliet fil-formazzjoni inizjali għat-tielet logħba konsekuttiva.
Dan huwa meħtieġ biex jiġu segwiti r-regoli tal-UEFA ta’ dawn it-tournaments. Dawn ir-regoli huma stabbiliti biex jagħmlu aktar enfasi fuq l-iżvilupp tal-players milli fuq il-kompetizzjoni nnifisha.
Intant, iż-żewġ naħat ipproduċew wirja eċċitant bil-ballun beda tiela’ u nieżel fuq iż-żewġ naħat fejn resqu viċin diversi drabi.
L-aħjar ċans wasal fl-20 minuta iżda t-tentattiv ta’ Saliba ġie mblukkat fil-ħin wara li qabżet lill-goalkeeper avversarja.
It-team Nordiku wieġeb permezz ta’ Eyda Dalheim li x-xutt tagħha mill-viċin għadda ftit ċentimetri mil-lasti difiżi minn Maya Muscat.
Man-nofs siegħa logħob, il-Maltin fetħu l-iskor permezz ta’ Saliba wara li rċeviet minn Farrugia.
Ħames minuti tmiem l-ewwel taqsima, il-Faroes resqu viċin li jiksbu d-draw iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Dalheim għaddiet ftit barra.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin ħarġu fuq l-offensiva u proprju fis-60 minuta rduppjaw l-iskor meta Lexine Farrugia fajret kanunata minn barra l-kaxxa biex għelbet għal kollox lill-goalkeeper Rasmussen.
Iżda tliet minuti wara, il-Faroes naqqsu l-marġni tal-iskor minn Alda Petersen li kkonkludiet minn cross fuq ix-xellug.
Malta: M. Muscat; F. Bartolo (73 A. Galea), L. Farrugia (68 A. Vassallo), A. Micallef, E. Micallef (46 L. Azzopardi), T. Scicluna, I. Abela (58 L. Frendo), N. Attard, L. Calleja (68 N. Celeste), S. Francalanza, S. Saliba (73 M. Gauci). – Coach: Kathleen Saliba.
Faroe Islands: I. Rasmussen (35 R. Streym); M. Ostero, R. Reginsdottir, M. Laursen (80 B. Poulsen), L. Djurhuus, A. Jorginsdottir, S. Hansen, E. Dalheim, H. Mikkelsen, P. Geyti (35 A. Petersen), B. Mohr – Coach: Eydvor Jakobsen.