Friday, December 27, 2024

Under 19 Nisa: Telfa għal Malta kontra l-Gżejjer Faroe

Aqra wkoll

Iċ-ċansijiet tat-tieni promozzjoni konsekuttiva għal Malta għal League A tal-kwalifikazzjonijiet għall-Kampjonat Ewropew tal-U19 qalgħu daqqa ta’ ħarta kbira wara telfa ta’ 4-2 kontra l-Gżejjer Faroe.

Immexxija minn Frank Schembri, Malta kisbet tliet punti wara li lagħbet iż-żewġ logħbiet tagħha f’dan il-grupp ta’ tliet timijiet.

Il-partita li fadal f’dan il-grupp se tkun bejn il-Gżejjer Faroe u l-Armenja – nhar it-Tnejn, bin-nazzjon Nordiku jkollu l-opportunità li jikseb il-promozzjoni bi draw jew rebħa.

Il-coach Schembri żamm fiduċjuż mal-formazzjoni inizjali li skjera fl-ewwel partita kontra l-Armenja iżda kien sfurzat jagħmel bidla bikrija wara li l-captain Alexandra Gatt weġġgħet u ġiet sostitwita minn Izabella Camilleri.

Il-Gżejjer Faroe fetħu l-iskor permezz ta’ Malena Olsen ftit qabel il-mistrieħ.

Wara l-mistrieħ, il-logħba saret aktar diffiċli għall-maltin meta l-winger Sarah Vella Barberi tkeċċiet wara li rċeviet it-tieni karta safra fil-partita.

Minkejja dan, il-Maltin irnexxielhom iħassru l-marġni ta’ goal wieħed u jmorru fil-vantaġġ b’goals ta’ Michela Ionadi u Sara Saliba.

Madankollu, huma naqsu milli jikkontrollaw il-vantaġġ ta’ goal wieħed, bil-Gżejjer Faroe jiskurjaw tliet darbiet f’medda ta’ seba’ minuti.

Lisa Haraldsen skorjat darbtejn bejn il-81 u l-84 minuta, qabel Anna Braendstrup issiġillat ir-rebħa bir-raba’ gowl fit-88 minuta.

Ekonomija

Sport