Tuesday, December 24, 2024

Under 21: Il-Maltin iċedu b’żewġ goals fil-ħin miżjud

Aqra wkoll

Malta ………… 1

Slovakkja ……3

Żewġ goals fil-ħin miżjud kienu detrimentali għal Malta biex ħriġna telliefa bl-iskor ta’ 3-1 kontra s-Slovakkja liema partita kienet valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjoant Ewropew ta’ Taħt il-21 sena.

Kien riżultat kiefer mal- players tagħna li minkejja li lagħbu kontra avversarji aktar qawwija, kellhom pres­tazzjoni impekkabbli.  Peró t-tkeċċija ta’ Aleandro Garzia lejn it-tmiem kienet strumentali biex is-Slovakki approfittaw mis-supremazija nu­­merika.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fil-15-il minuta meta mill-cross ta’ David Strelec, Peter Kovacik venven xutt minn barra l-kaxxa iżda Sylla dawwar f’corner.

Fl-20 minuta, kellu jkun Aleandro Garzia li antiċipa lil Adrian Kapralik li kien f’pożizzjoni ideali biex seta’ jikkonkludi minn cross mil-lemin.

L-avversarji tagħna bdew iżidu l-isforzi tagħhom u fit-23 minuta, Kovacik xeħet cross fil-baxx iżda Lichy ma laqatx tajjeb biex il-ballun għadda ma’ sieq il-lasta.

Fit-28 minuta, il-Maltin ħarbu bil-ballun fejn Ayrton Attard avvanza u fi tliet kwarti ta’ ground għadda lejn Andrea Zammit iżda żelaq f’tarf il-kaxxa biex iċ-ċans sfuma fix-xejn.

Minuta wara, is-Slovakki resqu ferm viċin meta d-difiża Maltija nqabdet fuq sieq waħda biex Strelec għamel l-impossibbi u quddiem lasti vojta xeħet għoli. 

Fil-41 minuta, l-istess Strelec ħabbat il-ballun ma’ Lichy biex minn qagħda angolata falla l-mira bi ftit. 

Peró minuta minn tmiem l-ewwel taqsima, il-Maltin fetħu l-iskor meta azzjoni korali bejn Shaun Dimech u Mattia Veselji li xeħet lejn Andrea Zammit fuq il-faxxa laterali u mill-cross tiegħu AYRTON ATTARD ikkon­kluda bir-ras bil-ballun jaħ­bat mal-wieqfa qabel jispiċċa fix-xibka.

Iżda fit-tielet minuti tal-ħin miżjud tal-ewwel taqsima s-Slovakki kisbu d-draw meta minn azzjoni ta’ corner, PETER POKORNY ipprova jkompli l-ballun lejn sħabu iżda laqtu ħażin biex qarra għal kollox bil-goalkeeper Malti. 

Fis-56 minuta, is-Slovakki l-aktar li resqu lejn il-lasti tagħna f’din it-taqsima bix-xutt ta’ Mesik ġie salvat minn Amara bil-ballun jaħbat ma’ Shaun Dimech.

Fis-70 minuta, l-avversarji tagħna rebħu free-kick barra l-kaxxa iżda x-xutt ta’ Jakub Kadak deher li kien fi triqtu lejn ix-xibka ħabat ma’ Zammit.

Erba’ minuti wara, Christian Gauci u Carlos Zammit Leonardi għalqu tajjeb fuq Tomas Bobcek li kien f’pożizzjoni li seta’ jagħmel il-ħsara.

Fit-78 minuta, Sebastian Nebyla għeleb in-nasba tal-offside u minn taħt il-lasti nkredibbilment xeħet għoli. 

Fit-83 minuta tkeċċa Aleandro Garzia wara li ntwera t-tieni karta safra.

Is-Slovakki żiedu l-pres­sjoni biex fit-92 u fis-97 mi­nuta huma skorjaw darbtejn minn żewġ daqqiet ta’ ras ta’ PATRIK ILKO biex ħadu dak li riedu.

MALTA: 12-Amara Sylla, 3-Andreas Vella, 4-Christian Gauci, 5-Adam Bradshaw, 6-Marcus Grima, 7-Ayrton Attard (16-Jean Paul Attard 82), 9-Andrea Zammit (17-Joseph Zammit 80), 10-Shaun Dimech, 11-Aleandro Garzia, 14-Mattia Veselji (21-Sheldon Mackay 86), 18-Carlo Zammit Leonardi – Coach: Gilbert Agius

SLOVAKKJA:  23-Ivan Krajcirik, 4-Tomas Nemcik, 5-Adam Obert, 6-Peter Pokorny, 8-Filip Lichy (7-Sebastian Nebyla 77), 10-Roland Galcik (19-Adam Goljan 63), 15-David Strelec (11-Tomas Bobcek 63), 16-Jakub Kadak (9-Adam Tucny 80), 17-Adrian Kapralik (14-Patrik Ilko 63), 18-Ivan Mesik, 22-Peter Kovacik – Coach: Jaroslav Kentos

REFEREE: Snir Levy (Iżrael)

ASS. REFEREES: Yossi Babayoff, Tuval Rahamim Koltunoff (Iżrael)

RABA’ UFF: Nael Odeh (Iżrael)

SKORERS: A. Attard 44 (M); P.  Pokorny 45+3, P. Ilko 92, 97 (S)  

AMMONITI: I. Mesik, P. Pokorny, A. Goljan, I. Mesik (S); A. Vella, A. Garzia  (M)

TKEĊĊA: A. Garzia 83 (M)

Ekonomija

Sport