Monday, November 4, 2024

Under 21: Il-UEFA se tintroduċi l-VAR wara l-iskandlu tal-Italja

Aqra wkoll

Il-president tal-FIGC, Gabriele Gravina, irreaġixxa b’mod informali għall-iżbalji tar-referees waqt il-logħba bejn Franza u l-Italja tal-Euro U/21 u diversi sorsi fl-Italja qalu li l-UEFA se tintroduċi l-VAR u t-tek­noloġija tal-goals mill-kwarti-finali.

L-Azzurrini tilfu 2-1 kontra Franza fl-ew­wel logħba tagħhom nhar il-Ħamis filgħa­xija, iżda d-deċiżjonijiet tar-referee Olandiż, Allard Lindhout, irrabjaw lill-coach Paolo Nicolato u lill-players tiegħu.

Lindhout ma rax foul fuq Caleb Okoli fil-goal tar-rebħa Franċiża u qabel kien injora handball ċar tad-difensur ta’ Milan, Pierre Kalulu, fil-kaxxa tal-Blues.

Peró l-iżjed żball evidenti kien goal fantażma skorjat minn Raoul Bellanova fil-ħin miżjud. L-eks difensur ta’ Inter kien fil-fatt skorja, iżda la r-referee u lanqas l-assistent tiegħu ma raw il-ballun jaqsam il-linja.

M’hemm l-ebda VARs u l-ebda teknoloġija tal-goals fil-Euro U/21, iżda diversi sorsi tal-media fl-Italja qalu li l-UEFA se tintroduċihom mill-kwarti-finali.

L-FIGC ma rreaġixxitx bi stqarrija uffiċjali, iżda l-media Taljana żvelat il-pożizzjoni tal-Federazzjoni Taljana nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar.

“Gravina jemmen li l-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena ma jistax jibqa’ jitqies bħala tournament taż-żgħażagħ u jargumenta li l-iżball kellu impatt kbir fuq kompetizzjoni daqshekk importanti,” qalet il-media.

“Konsegwentement, l-impenn tal-Assoċjazzjoni Taljana se jkun li tqajjem kuxjenza lill-UEFA għal kompetizzjonijiet futuri.”

Gravina nħatar viċi-president tal-UEFA f’April li għadda.

Sport