Saturday, December 21, 2024

Under 21: Illum Malta f’partita diffiċli kontra Spanja

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena, immexxi mill-coach Ivan Woods, illum f’Algeciras, fil-5.00 pm,  jilgħab l-aħħar logħba tiegħu minn Grupp B ta’ kwalifikaz­zjoni għall-Kampjonat Ewropew 2025 meta jaffronta lil Spanja. 

Sfortunatament, il-Maltin tilfu l-partiti kollha li lagħbu bi statistika xejn inkoraġġanti hekk kif skorjajna erba’ goals biss u sofrejna 29. 

Madankollu, fl-aħħar ħarġa, il-players tagħna taw wirja mill-aqwa f’Nandor Hidegkuti Stadium, f’Budapest, meta sfajna megħluba mill-Ungerija bl-iskor ta’ 2-1. 

Punt ieħor pożittiv huwa li l-Maltin skorjaw fil-partiti li lagħbu barra minn darna, bl-attakkant Andrea Zammit kompla jispikka meta skorja l-uniku goal minn penalty biex kompla kabbar ir-rekord tiegħu tal-aqwa skorer ta’ kull żmien ta’ din il-kategorija.  

Players bħal Mattia Veselji, Isaiah Chukunyere u Matthew Debattista, spikkaw ukoll fil-logħba kontra l-Ungerija u dawn mistennija jerġgħu jingħataw il-fiduċja minn Woods.

Mingħajr l-ebda dubju, il-partita tal-lum hija l-aktar waħda diffiċli għall-Maltin f’din l-edizzjoni minħabba li l-Ispanjoli huma meqjusa bħala ġganti. 

It-team huwa mmexxi mill-coach, Santi Denia, li għandu 50 sena u li fi żmienu kien jilgħab bħala difensur ċentrali ma’ Albacete u Atletico Madrid. Fl-istess waqt, huwa lagħab fil-kategoriji kollha tat-team nazzjonali Spanjol fejn anke deher darbtejn mat-team tal-kbar.

Iż-żewġ timijiet diġá ltaqgħu, fit-8 ta’ Settembru, 2023, f’Tony Bezzina Stadium, bl-Ispanjoli joħorġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 6-0. 

Klassifika: 25 – Spanja; 19 – Belġju; 16 – Skozja; 13 – Ungerija; 6 – Kazakhstan; 0 – Malta

Ekonomija

Sport