Sunday, December 22, 2024

Under 21: Illum Malta taffronta lil Kazakhstan

Aqra wkoll

Il-coach tat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena, Ivan Woods, esprima l-aspett pożittiv tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispirtu u l-preparazzjoni tal-players tiegħu għall-konfront kontra l-Kazakhstan li se jintlagħab illum, f’Tony Bezzina Sta­dium, fis-6.00 pm, validu minn Grupp B, tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew. 

Madankollu huwa naqqas kull entużjażmu żejjed u insista li tilgħab f’dan il-li­vell internazzjonali trid tagħti l-aħjar tiegħek f’kull mument u f’kull sitwazzjoni matul u m’hemm l-ebda garanzija ta’ punti.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Woods tkellem dwar din il-partita, fejn skond hu, hija l-aktar waħda diffiċli s’issa ta’ dan il-grupp.

“Din hija l-aktar partita iebsa tagħna s’issa f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni. Nafu li kontra l-Kazakstan l-aspettattivi jistgħu jkunu għoljin. Ninsab kuntent, bl-attitudni u l-impenn tal-players li wrew fil-logħbiet preċedenti, iżda rridu nibqgħu konċentrati matul il-logħba kollha.”

“Ilkoll innutajna titjib sinifikanti li rreġistra dan it-team mill-ewwel konfront u t-telfa (ta’ 7-0) kontra Spanja  f’Settem­bru sal-prestazzjoni inkoraġġanti tax-xahar li għadda barra minn darna kontra l-Iskozja (1-2), għalkemm ir-riżultat finali kien wieħed sfortunat għalina”.

Il-coach Woods enfasizza li: “Ninsab konxju li l-Kazakhstan huwa team iebes. S’issa segwejna l-mixja tagħhom f’dan il-grupp, fejn tilfu kontra l-Belġju, kif ukoll kontra Spanja, iżda xorta ħolqu ċansijiet ta’ skor u pproduċew football kompetittiv.

“Se nkunu qed niffaċċjaw team li ġej minn pajjiż ta’ 20 miljun persuna u għalhekk irridu nżommu saqajna mal-art, għalkemm nemmnu fil-potenzjal, il-fiduċja u l-preparazzjoni tal-players tagħna.”

B’referenza għat-tħabbira finali tal-iskwadra ta’ 23 player, Woods faħħar l-impenn tal-istess players, inklużi xi uċuħ ġodda fil-grupp li żgur se jimmassimizzaw din l-opportunità, magħżula wkoll fost attributi oħra, wara li  kisbu ħin ta’ logħob sinifikanti mat-timijiet rispettivi tagħhom. 

“Kollox huwa mertu tal-players li fiżikament jinsabu f’forma aħjar, peress li ngħataw aktar ħinijiet mit-timiijet rispettivi tagħhom.”

Huwa temm jgħid li, “Se nitilfu ftit players li kienu sfurzati jirtiraw minħabba bosta injuries iżda se jirkupraw għall-partita sussegwenti … dik ta’ ħbiberija li se nilagħbu kontra l-Litwanja, nhar it-Tnejn li ġej.” 

Ekonomija

Sport