It-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena llum, fis-6.30 pm, fis-Centenary Stadium jaffronta lis-Slovakkja fil-partita ta’ qabel tal-aħħar ta’ Grupp Ċ, valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew.
Il-Maltin jinsabu fit-tielet post tal-klassifika, bid-differenza ta’ goals aħjar mil-Litwanja u l-Irlanda ta’ Fuq li lkoll għandhom sitt punti. Fl-ewwel post hemm Spanja bi 18-il punt segwiti mis-Slovakkja li għandhom 12 filwaqt li r-Russja huma sospiżi għal raġunijiet magħrufa.
Lejlet dan il-konfront, il-coach Malti Gilbert Agius spjega l-vjaġġ s’issa u l-għan tiegħu li jmexxi lil dan il-grupp ta’ players minn dawk żgħażagħ għal oħrajn stabbiliti li jirnexxilehom jiġu promossi għall-iskwadra tal-kbar.
Adam Magri Overend u Mattia Veselji diġà jinsabu fl-iskwadra tal-kbar wara li bdew din il-kompetizzjoni mal-Under 21 u għadhom eliġibbli f’din il-kategorija.
Gilbert Agius qal: “Dan il-mertu huwa kollu tagħhom. Jien mhux qiegħed hawn biex nieħu t-tifħir, iżda primarjament biex ngħin lil dan il-grupp ta’ players fl-iżvilupp tagħhom u biex jimponu lilhom infushom fil-filosofija tal-logħob kollettiv tagħna.
“Jien ċert li t-tenaċità tagħhom se tgħinhom biex ikompli jagħmlu l-progress mixtieq bil-għan li jasal dak iż-żmien li jagħmlu l-qabża għal mat-team tal-kbar.”
Il-coach Agius żied jgħid: “Is-Slovakkja huwa team qawwo li probabbilment ġew fostna konxji mill-possibbiltajiet tagħhom li jikkwalifikaw u għaldaqstant se joqogħdu attenti biex ma ‘jiżolqux’.
“Madankollu, il-players tiegħi tħarrġu tajjeb, għandna xi players neqsin minħabba injuries, iżda jien ninsab kunfidenti li se nagħtu prestazzjoni tajba.
“Il-klassifika finali tiġi kkunsidrata meta tintemm il-kompetizzjoni. Bħalissa ninsabu konċentrati bis-sħiħ fuq dawn iż-żewġ logħbiet diffiċli li ġejjin.
“Ninsabu kuntenti bl-għadd totali ta’ punti miksuba s’issa (rebħa doppja fuq l-Irlanda ta’ Fuq). Nixtiequ nkomplu nżidu l-punti iżda l-impenn ewlieni tagħna huwa li nippreparaw lill-players tagħna.”
L-iskwadra Maltija hija komposta minn:
Goalkeepers: Matthias Debono (Hamrun S.), Amara Sylla (Birkirkara).
Difensuri: Christian Gauci (Valletta), Zean Leonardi (Pietá H.), Glenn Mifsud (Zebbug R.), James Vella (San Ġwann), Carlo Zammit Lonardelli (Sirens).
Midfielders: Ayrton Attard (Hibernians), Jean-Paul Attard (Gzira U.), Adam Bradshaw, Marcus Grima (Balzan), Aleandro Garzia, Andreas Vella (Floriana), Jake Ghio (Pietá H.), Sheldon Mackay (Valletta).
Attakkanti: Matthew Debattista (Melita), Shaun Dimech, Andrea Zammit (Valletta), Joshua Micallef (Luqa SA), Dale Mifsud (San Gwann), Bradley Sciberras (Floriana), Joseph Zammit (Nadur Y.).