Sunday, November 3, 2024

Under 21: Illum Malta ttemm l-impenji tal-Kampjonat Ewropew kontra Spanja

Aqra wkoll

Illum tasal fi tmiemha l-avventura tat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew hekk kif fil-belt ta’ Melilla, jilgħab kontra t-team qawwi ta’ Spanja. 

Il-belt fejn hija skedata li tintlagħab il-partita hija parti mit-territorju Spanjol iżda tinsab fuq il-fruntiera tal-Afrika ta’ Fuq mal-Marokk.

Mit-telfa ta’ 3-1 kontra s-Slovakkja, li ntlagħbet nhar il-Ġimgħa li għadda, Aleandro Garzia se jkun nieqes minħabba li huwa sospiż wara li tkeċċa fl-aħħar 10 minuti għal żewġ karti sofor. Il-post tiegħu se jimtela minn Karl Mohnani.

F’dan il-grupp, s’issa l-Maltin kisbu sitt punti fejn skorjaw disa’ goals – żewġ goals kull wieħed għal Ayrton Attard u Mattia Veselji u wieħed għal Jamie Sixsmith, Jake Engerer, Marcus Grima, Andrea Zammit u Joseph Zammit. Il-coach Gilbert Agius ta ħarsa ġenerali dettaljata fi tmiem il-kompetizzjoni attwali qabel l-aħħar partita kontra Spanja.

Agius qal: “Mill-ewwel jum minn mindu ingħatajt din ir-responsabbiltá, l-għan ewlieni tiegħi kien li nrawwem u niżviluppa dan il-grupp ta’ players biex jagħmlu l-pass u jkunu lesti biex jagħmluha mat-team tal-kbar.

“Tassew nemmen li hemm ftit li issa qegħdin viċin li jagħmlu l-pass jekk iżommu din l-attitudni, jibqgħu jikbru fil-personalità u jistinkaw aktar bix-xewqa u l-impenn tagħhom.

“F’dawn it-18-il xahar flimkien rajna ħafna titjib. Flimkien mal-bqija tal-istaff tiegħi ndunajna li dawn il-players jinsabu lesti li jkomplu jifhmu t-toroq tagħna u dak li hu meħtieġ minnhom f’din il-filosofija tal-logħob unifikata li qed nippruvaw nimplimentaw. Kien faċli għal xi wħud minnhom li jaddattaw għal din ir-reviżjoni sħiħa fl-istil tal-logħob.

“Madankollu, osservajna l-progress li sar. Il-perjodu kien wieħed qasir u għalhekk aħna tassew grati li aħna bħala coaches irnexxielna nittrażmettu din il-filosofija ġdida mmexxija ‘l quddiem miċ-Ċentru Tek­niku. 

“Bi pjaċir ninnota li xi wħud minn dawn il-players fl-iskwadra attwali setgħu jieħdu l-opportunità li jerġgħu jaħdmu magħna peress li għadhom eliġibbli għall-kompetizzjoni li jmiss. 

“Għalhekk huwa tabilħaqq id-dmir tagħna li nibqgħu naħdmu mill-qrib magħhom, nistabbilixxu livelli ogħla u nilħqu l-miri aħħarin tagħna,” irrimarka Agius. 

Id-diżappunt għall-mod kif seħħet it- telfa kontra s-Slovakkja, fis-Centenary Sta­­dium għadu evidenti, bil-coach Agius aċċenna li r-riżultat finali kien kattiv ħafna mal-players tiegħu. Il-prestazzjoni kienet tajba u sodisfaċenti, il-players kienu dix­xiplinati u kellhom prestazzjoni konformi mal-istruzzjonijiet waqt it-taħriġ fil-jiem qabel dan il-konfront. 

Il-fatt li sofrejna t-tliet goals lil hinn mill-45 minuta normali ta’ logħob f’kull taqsima, dan il-fatt injetta aktar determinazzjoni biex jiġu evitati dawn is-sitwaz­zjonijiet fil-partita kontra Spanja. 

Il-coach nazzjonali irrikonoxxa li l-partita kontra l-Ispanjoli se tkun waħda mill-aktar diffiċli.

“Qed nippreparaw għal logħba mill-aktar diffiċli. L-avversarji tagħna jinsabu fl-ewwel post tal-grupp tagħna u diġà huma kkwalifikati għall-fażi finali li jmiss tal-Kampjonat Ewropew. Għadhom kemm skorjaw sitta l-ġimgħa l-oħra kontra l-Irlanda ta’ Fuq barra minn darhom u  għalhekk aħna konxji bis-sħiħ dwar il-qawwa tal-avversarji tagħna.”

“Madankollu l-mod kif tlifna u kif evolvew l-affarijiet matul id-90 minuta, nhar il-Ġimgħa li għadda, mela lill-players tiegħi b’aktar enerġija biex jerġgħu jagħtu l-aqwa prestazzjoni tagħhom, jevitaw l-iżbalji, jibqgħu kompatti u dixxiplinati, u ma jagħtux spazju lill-avversarji tagħna. 

Sport