Ħaddiem jixhed li qalulu “aqlagħli mija għal Puttinu” inkella jispiċċa bħal sieħbu
Kien ilu mpjegat mal-Malta International Airport għal xejn inqas minn madwar għoxrin sena bħala Coordinator Customer Services. Ġara li fil-konfront ta’ l-impjegat Edmond Debono kienet ħarġet charge letter b’allegazzjoni li hu kien inqabad jirċievi tips minn klijent ġewwa l-VIP Lounge. Ġara ukoll li kollega ta’ dan l-impjegat meta kien akkużat li ħa tips innega, però wara ammetta, skuża ruħu u rritornahom, dan tal-aħħar ma tkeċċix iżda baqa’ fl-impjieg tiegħu sakemm intemmlu l-kuntratt. Mix-xhieda tal-Kap Eżekuttiv irriżulta ukoll li fil-konfront ta’ Debono kien hemm twissijiet u dawn seħħew wara li persuna li tkun imqabbda mill-kumpanija ‘under cover’, u għalhekk ħadd ma jaf biha, taġixxi bħala passiġġiera normali u tara kif iġibu ruħhom l-impjegati. Fuq dan il-każ, it-Tribunal kien tal-fehma li l-kumpanija riedet bilfors ammissjoni ta’ ħtija, minkejja li l-Bord tad- Dixxiplina nnifsu ma setax jikkonferma mill-‘istills’ preżentati li kien fil-fatt l-impjegat qed jaċċetta tips. Rigward il-gravità tal-azzjoni dan it-Tribunal mhux konvint li kienet iddur mal-azzjoni nnifisha ta’ teħid ta’ tips li ma jiġux irritornati, iżda aktar kienet marbuta, mal-fatt li ma ammettiex il-ħtija. Il-ħaddiem rebaħ kważi kumpens ta’ €5,000 fuq tkeċċija inġusta.
Mis-sentenza tat-Tribunal jirriżulta li Alan Borg fil-kapaċità ta’ Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, xehed li f’dan il-każ partikolari huma għandhom evidenza ċara, li ma tħallilux dubju li dan il-każ seħħ. Huwa qal ukoll li l-każ l-ieħor li huwa simili, l-persuna kkonċernata ammettiet li żbaljat u apoloġizzat u rritornat il-flus. Iżda fil-każ preżenti, Debono m’għamilx hekk, u l-fatt li skuża ruħu mingħajr ma ammetta, għax-xhud, dan ifisser li mhi apologija xejn.
Għall-mistoqsija fil-kontroeżami, il-Kap Eżekuttiv Alan Borg qal li bħala policy ma jħallux imjegati jaċċettaw tips. Qal li ma setax jikkonferma jekk l-impjegat qattx għadda tips lis-supervisor tiegħu. Huwa kkonferma wkoll li oġġetti ta’ ċertu valur jistgħu jiġu aċċettati mill-management, bħal hampers ta’ ċertu valur. Ikkonferma wkoll li l-impjegat l-ieħor li nqabad jirċievi tips, ammetta u għadu fl-impjieg, wara li apoloġizza u għadda t-tips lill-Head of HR. Hu ma setax jikkonferma kif qalu xhieda oħra, li lill-impjegat l-ieħor issuġġerewlu jammetti biex l-istorja tieqaf hemm. Ix-xhud, waqt l-istess kontroeżami qal li ma jafx li Debono pprova jiltaqa’ miegħu għal diversi drabi kif qed jallega. Il-Kap Eżekuttiv ikkonferma li Debono kien ix-xufier tas-CEO ta’ qablu. Ix-xhud qal li meta sar CEO hu, ma kellux xufier di sentu, kif kellu ta’ qablu, iżda kien jinqeda b’diversi xufiera, fosthom Edmond Debono. Semma ħames drabi li fihom ittieħdu passi dixxiplinari kontra Debono. Dawn it-twissijiet seħħew wara li persuna li tkun imqabbda mill-kumpanija ‘under cover’, ħadd ma jaf biha, taġixxi bħala passiġġiera normali u tara kif iġibu ruħhom l-impjegati. Ix-xhud semma ħames punti fejn Debono naqas milli jagħmel xogħlu. Ix-xhud ikkonferma wkoll li Debonomar japoloġizza mhux meta nħarġulu c-charges iżda qabel ma bdew il-proċeduri dixxiplinarji.
L-impjegat Jason Briffa li kien l-impjegat li għamel apoloġija u nżamm fl-impjieg, b’affidavit qal li kien impjegat b’kuntratt definit ta’ sena bħala Airport Attendent-Customer Care minn Marzu 2016 u lil Debono jafu bħala kollega u koordinatur superjur fuqu. Qal li meta hu ġie akkużat b’charge letter li kien ħa xi tips, huwa ma aċċettax u wieġeb lura u fittex l-għajnuna tal-General Workers Union (GWU). Qal li wara huwa rċieva ittra li se jittella’ quddiem il-bord ta’ dixxiplina. Fl-istess żmien, Debono kellu wkoll l-istess akkużi bħal tiegħu. Huwa qal li kellu jidher xi siegħa wara li jidher Debono quddiem il-bord, iżda hu rċieva telefonata li s-seduta se tiġi posposta. Huwa baqa’ jistenna sa wara li Debono appella u finalment tkeċċa. Qal li hu baqa’ jaħdem normali. Spjega li ħmistax wara li tkeċċa Debono, lilu għajtulu. Qal li hu pprotesta li ma kien ħa l-ebda tips iżda huma baqgħu jinsistu. Qalulu wkoll li jekk ma jammettix kien se jiġrilu bħal Debono u qalulu l-preċizi kelmiet: “Aqlagħli mija għal Puttinu”, u jekk le se jiġrilu bħal Edmond Debono.
Ix-xhud qal li hu għandu self fuq propjetà u ma kienx f’pożizzjoni li jitlef l-impjieg u allura niżel isfel u ġibed €100 mill-ATM tal-Bank of Valletta u tela’ lura jagħtihomlhom. Huwa qal li ngħata rċevuta bla data u għadha għandu sal-lum u li kien qed jippreżentaha bħala provi. Huwa qal li xahar u nofs wara irċieva twissjia u l-kwistjoni waqfet hemm. Tenna li għamel sentejn oħra jaħdem hemm iżda mbagħad minħabba l-Covid 19 ma ġeddulux il-kuntratt.
Minn naħa tiegħu, l-impjegat Edmond Debono enfasizza li daħal jaħdem mal-MIA f’Diċembru tal-1999 bħala Airport attendant fil-Customer Service u mexa għall-Aero Drone Department u għamel ħames snin jaħdem bħala xufier tas-CEO Marcus Kalushofer li jiġi s-CEO ta’ qabel dak preżenti. Innega dak li qal fuqu s-CEO preżenti Alan Borg li hu kien qallu li jdaħħal mal-€15,000 mill-part-time li għandu. Ix-xhud qal li l-part-time beda jagħmlu minn wara li spiċċa jiġifieri minn April 2019.
Huwa qal li s-CEO il-ġdid kien jinjorah u ma jgħidlux ‘bonġu’ lilu iżda lil ħaddiehor kien jgħidlu. Qal li kien iħoss li kien hemm xi ħaġa mhux normali. Huwa qal ukoll li rigward il- proċedura tat-tips, kellhom ordni li jirrifjutawhom, iżda meta l-klijenti bdew jieħdu għalihom, ingħataw ordni biex jaċċettawhom iżda jgħadduhom lil ta’ fuqhom. Huwa qal li darba għadda €300 lis-superjur tiegħu u tagħhomlu u ma ngħatax irċevuta. Dan l-inċident seħħ qabel ma ħarġulu ċ-charges, iżda minn wara bdew jagħtu rċevuta anke għal ħames €5.
Ix-xhud irrefera għal dakinhar meta għajtulu u akkużawh li ħa t-tips. Huwa qallhom li ma jiftakarx għal liema inċident qed jirreferu u talabhom juruh il-filmat u ma ngħatax ċans li jkollu assistenza mill-Union jew avukat. Qal li lanqas ma riedu juruh il-filmat, liema filmat ra wara iżda huwa fih jagħraf lill-klijent, jagħraf lilu n-nifsu qed jieħdu b’idejn xulxin u ma jidhrux li qed jgħaddu flus fil-filmat, iżda li daħħal idu fil-but.
Spjega li wara li tkeċċa għamel xahrejn bla xogħol u sab impjieg ieħor wara xahrejn. Għall-kontroeżami x-xhud ikkonferma li ġie mgħajjat mill-Manager tiegħu u l-HR u ntalab jammetti u jitlob skuża. Huwa qal li ma ammettiex u kiteb ittra f’dan ir-rigward, ingħata twissija u wara ttella’ bord ta’ dixxiplina li sabu ħati ta’ offiża minuri, is-sentenza ġiet appellata mis-soċjetà stess. Ix-xhud qal wara dan huwa tkeċċa. Ix-xhud qal ukoll li meta ngħata l-filmat tas-CCTV, huwa rah kemm-il darba u ma jidher imkien li qed jgħaddu xi flus iżda li qed jEħodlu b’idejh. Ix-xhud qal ukoll li l-kollega tiegħu wara xi ħmistax-il ġurnata ġie mitlub ukoll jagħmel apoloġija u jammetti, kif fil-fatt għamel u mal-apoloġija tahom €100 fuq struzzjonijiet ta’ uffiċjal biex ituhom lil Puttinu. Huwa kkonferma li skuża ruħu kemm-il darba iżda ma ammettix xi ħaġa li ma wettaqx.
Debono rebaħ kumpens ta’ kważi €5,000 għal tkeċċija inġusta.