Sunday, December 22, 2024

Ungeriż mixli b’attentat ta’ qtil jingħata l-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Ungeriż li ilu miżmum taħt arrest preventiv minn Lulju meta kien mixli flimkien ma’ persuna oħra b’rabta ma’ każ dwar attentat ta’ qtil f’Marsaskala, ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Qorti Kriminali.

Ans Ghodban ta’ 27 sena kien arrestat flimkien ma’ Adnan Saed, Libjan ta’ 30 sena, ħames xhur ilu wara li l-Pulizija kienet irċeviet rapport li kien hemm żewġ persuni feruti b’mod gravi allegatament wara attakk b’arma bil-ponta. 

Huwa mifhum li l-aggressjoni seħħet wara argument li nqala’ waqt li l-irġiel allegatament kienu qed jinnegozjaw il-bejgħ ta’ nofs kilogramma kokaina. Ghodban waħdu kien mixli wkoll li naqas milli jobdi l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija u li sar reċediv.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera nnotat li Ghodban ilu taħt arrest preventiv mit-13 ta’ Lulju li għadda u minn dakinhar saru diversi seduti u nstemgħu ħafna xhieda. 

Jirriżulta li għad fadal numru ta’ xhieda li għad iridu jixhdu fosthom tobba, membri tal-korp tal-Pulizija, diversi esperti nominati fl-atti tal-inkjesta, rappreżentant ta’ Transport Malta u tal-uffiċċju tal-armi. Però xhieda pajżana ma jidhirx li għad fadal. 

Il-Qorti rat li l-Avukat Ġenerali bbażat l-oġġezzjoni dwar in-nuqqas ta’ affidabilità tal-imputat għall-fatt li l-fedina penali tiegħu hi waħda kkulurita, l-akkużi huma serji u ma jagħtix serħan il-moħħ li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest ma kienx se jwettaq reat ieħor jew li jintralċja l-provi. 

Il-Qorti Kriminali qalet li hu minnu li Ghodban għandu fedina penali refrettarja iżda dan il-fatt waħdu ma jfissirx li huwa m’għandux jingħata l-libertà proviżorja. 

Ġie nnotat kif l-Avukat Ġenerali stqarret ukoll li Ghodban ma kienx se jaderixxi mal-kundizzjonijiet imposti fuqu jekk jingħata l-libertà proviżorja. Però ma ġġustifikatx tali oġġezzjoni fuq xi provi partikolari. 

Min-naħa l-oħra, id-Difiża ressqet persuna biex tixhed li turi r-rabtiet li għandu l-imputat hawn Malta. Ressqet ukoll żewġt aħwa li qalu li kienu lesti li jaċċettaw lill-imputat sabix jgħix fir-residenza tagħhom f’Tas-Sliema. 

“Huwa dmir il-Qorti li tipprovdi kundizzjonijiet serji u ibsin fil-konfront tal-akkużat u dan sabiex ikun jaf li jekk jonqos milli josservahom se jpatti għal għemilu bi kbir tant li anke jitlef somma flus li tiġi konfiskata favur il-Gvern ta’ Malta,” qalet l-Imħallef Scerri Herrera. 

Kien għalhekk li tatu l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huwa kien ordnat ukoll biex jiffirma l-għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema kuljum, ħdud u festi inklużi.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Wayne Camilleri u Kurt Farrugia.

L-Avukat Ishmael Psaila deher għal Ghodban filwaqt li l-Avukat Charles Mercieca qed jassisti lil Adnan.

L-Avukati Jacob Magri u Arthur Azzopardi qed jidhru parte civile.

Ekonomija

Sport