L-unjins madwar l-Indja għaddejjin bi protesti kbar kontra l-Kodiċi tax-Xogħol għall-ħaddiema. Huma qegħdin iqisu dan bħala attakk dirett fuq id-drittijiet tal-ħaddiema, is-sigurtà tax-xogħol u d-demokrazija tat-trejdunjins u ħarġu twissija li l-Kodiċijiet se jillegalizzaw il-kiri u t-tkeċċijiet, japprofondixxu l-prekarjetà u jħeġġu l-privatizzazzjoni. L-istess unjins wiegħdu li jiġġieldu sakemm dawn il-liġijiet kontra l-ħaddiema jiġu rtirati.

Il-Federazzjoni Nazzjonali tal-Impjegati (AINLIEF), il-Federazzjoni Nazzjonali tal-Ħaddiema tal-Korpi Muniċipali u Lokali fl-Indja (INMLBWF), il-Front Progressiv Laburista u l-Unjin Progressiv tal-Impjegati tal-Elettriku kkundannaw bil-qawwa l-pjani tal-Gvern Ċentrali li jimplimenta l-erba’ Kodiċijiet tax-Xogħol u sejħulhom attakk dirett fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u d-demokrazija tat-trejdunjins.
Protesta kkordinata … Unjins jingħaqdu
Fis-26 ta’ Novembru 2025, AINLIEF u INMLBWF ingħaqdu ma’ trejdunjins oħra fl-Indja bħala parti minn protesta kkordinata kontra l-Kodiċi. Il-federazzjonijiet qalu li l-hekk imsejħa “riformi” se jfasslu mill-ġdid b’mod fundamentali x-xenarju tax-xogħol tal-Indja favur min iħaddem u l-korporazzjonijiet il-kbar.
Skont AINLIEF u INMLBWF, il-Kodiċi iddgħajfu s-sigurtà tax-xogħol, jagħmlu l-kiri u t-tkeċċija aktar faċli, idgħajfu t-trejdunjins, inaqqsu s-salvagwardji tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll inaqqru s-sigurtà soċjali għall-ħaddiema organizzati, mhux organizzati u dawk li jaħdmu b’mod temporanju bl-istess mod. Huma jwissu li dawn il-bidliet se jimbuttaw eluf kbar ta’ ħaddiema f’impjiegi prekarji u mhux siguri.
Minkejja protesti li saru ġimgħat ilu, il-gvern Indjan xorta waħda qiegħed jagħżel li jinjorana u jaqbel mal-interessi korporattivi.
“Il-gvern qiegħed jagħti aktar poter lil min iħaddem”
“Dawn il-Kodiċi tax-Xogħol mhumiex riformi, huma tnaqqis fid-drittijiet miksubin bi tbatija. Jagħmlu l-kiri u t-tkeċċija aktar faċli, idgħajfu n-negozjar kollettiv, idgħajfu n-normi tas-sigurtà u jnaqqsu l-valur tas-sigurtà soċjali kemm għall-ħaddiema organizzati, mhux organizzati kif ukoll għall-ħaddiema li jaħdmu b’mod temporanju. F’isem is-“simplifikazzjoni”, il-gvern qiegħed jagħti aktar poter lil min iħaddem u jneħħi lill-ħaddiema l-protezzjoni li huma rnexxielhom jakkwistaw b’ħafna taħbit,” qal Shubham Sharma, Konsulent taż-Żgħażagħ, Delhi State Electricity Workers Union u r-rappreżentant tal-ħaddiema żgħażagħ tar-reġjun tal-Asja-Paċifiku fil-Bord Eżekuttiv tal-PSI.

L-unjins Indjani qegħdin jargumentaw li l-konsolidazzjoni ta’ 29 liġi tax-xogħol eżistenti f’erba’ Kodiċi qiegħda tintuża bħala ‘kopertura’ għad-deregolamentazzjoni. Il-Kodiċi se jaċċelleraw il-privatizzazzjoni u l-esternalizzazzjoni fis-servizzi pubbliċi ewlenin. Billi jagħmluha aktar faċli għal min iħaddem biex jimpjega ħaddiema fuq kuntratti għal żmien qasir u bi ħlas baxx u bi protezzjoni aktar dgħajfa, il-Kodiċi joħolqu inċentivi qawwijin għall-gvernijiet u għal min iħaddem fis-settur pubbliku biex jissostitwixxu l-impjiegi regolari b’arranġamenti esternalizzati, kuntrattwali u PPP.
Dan mhux biss idgħajjef l-impjiegi stabbli u lit-trejdunjins, iżda jiftaħ ukoll il-bieb għall-kuntratturi privati biex jieħdu f’idejhom funzjonijiet ewlenin fis-servizzi muniċipali, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-utilitajiet u dan b’kundizzjonijiet aktar baxxi u miżeri għall-ħaddiema. L-unjins qegħdin iqisu li l-Kodiċi tax-Xogħol mhux biss bħala attakk fuq id-drittijiet tal-ħaddiema; imma huma wkoll għodda kwieta biex iwittu t-triq għall-privatizzazzjoni.


