Friday, May 3, 2024

Unjoni Ewropea li tagħmel sens u li fiċ-ċentru tagħha tpoġġi dejjem in-nies

Aqra wkoll

F’Business Breakfast tal-Partit Laburista bit-tema Malta għoxrin sena fl-Unjoni Ewropea u l-futur, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela tkellem dwar Unjoni Ewropea li tagħmel sens, waħda li fiċ-ċentru tagħha tpoġġi n-nies. “Unjoni Ewropea viċin in-nies. Unjoni Ewropea għan-nies.”

Il-Prim Ministru sostna kif fl-aħħar għoxrin sena, pajjiżna kiber fl-għarfien dwar il-benifiċċji li ġġib magħha s-sħubija, l-isfidi u li fihom l-Unjoni evolviet, kibret u nbidlet.

Bħala Partit Laburista u Gvern, Robert Abela semma l-kontribuzzjonijiet diversi li ta pajjiżna lill-Unjoni Ewropea biex ġew eliminati ostakli għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin f’oqsma differenti.

Fosthom hemm il-ħidma dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fis-suq uniku jew rapporti importanti dwar is-suq uniku li kienu ċentrali fil-ħidma tal-MEPs tal-Partit Laburista, il-ħidma fuq l-ewwel Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017, il-ħidma fil-qasam tal-Ambjent u t-tibdil fil-klima, il-politika ekonomika u baġitarja tal-Unjoni, drittijiet ċivili u reġjuni u trasport.

“Dejjem iċċentrajna l-ħidma tagħkom madwar dak li jista jtejjeb il-ħajja tan-nies. Dan hu wara kollox dak li ħdimna għalih bħala Gvern fl-Unjoni Ewropea. U l-benefiċċji l-aktar tanġibbli u viżibbli tas-sħubija huma dawk li effettwaw l-aktar lin-nies.”

Dwar dan, il-Prim Ministru saħaq li l-vaċċin huwa wieħed fejn bħala membru tal-Unjoni, pajjiżna kien minn tal-ewwel li akkwista dożi kruċjali u laqqam il-poplu.

“Użajna fondi ewropej biex nikkumplimentaw l-użu b’saħħtu u qawwi ta’ fondi nazzjonali biex nidejna l-skema tal-wage supplement, li salvat tant impjiegi… Investejna fl-edukazzjoni, bir-rinovar ta’ skejjel, għotjiet ta’ tablets, boroż ta’ studju u riċerka, u b’programmi bħal ERASMUS+ li tant ħadu esperjenzi permezz tiegħu diversi żgħażagħ maltin. Investejna ukoll fin-negozji tagħna, b’skemi għal negozji ta’ daqs żgħir u medju fiċ-ċentru ta’ ħidma tagħna. Insemmi wkoll dak li għamilna fid-diġitilizazzjoni, kif ukoll fl-infrastrattura. F’tal-aħħar l-aktar forsi prominenti jkun dak li sar fit-toroq arterjali u dak li għaddej bħalissa fin-network tal-enerġija. Nista’ nibqa għaddej u nsemmi ħafna eżempji oħra – l-isptar tal-onkoloġija, l-investiment li għaddej fis-saħħa, l-iskemi fil-qasam soċjali, l-enerġija rinovabbli u aktar.”

Robert Abela tkellem ukoll dwar is-salvagwardja ta’ deċiżjonijiet b’unanimita’ f’oqsma li jolqtu n-newtralita’ tagħna u t-tassazzjoni.

“Is-salvagwardji li għandna, ser niddefenduhom. Għaliex qegħdin hemm għal raġunijiet validi. U ser isiru aktar pertinenti jekk l-Unjoni tikber, għax tikber l-isfida biex ikunu indirizzati r-realtajiet ta’ kulħadd.”

Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar dwar il-prijoritajiet tar-rappreżentanti fil-Parlament Ewropew li dejjem iridu jħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

“Id-diskussjoni fil-fora Ewropew trid tkun kif se ntejbu l-kwalita’ tal-ħajja ta’ kull ċittadin iktar milli kif se jsiru ostakli għal xi gwadann shortsighted partiġġjan. Għalhekk nemmen li r-rappreżentanza ta’ Malta fl-Ewropa trid tkun waħda ‘il fuq mill-partiġġjaniżmu lokali, u li l-issues li niddiskutu fl-Ewropa jkunu issues li jsaħħu lil Malta.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport