Malta tista’ tiffaċċja jew lil Andorra u t-tellief tal-play-off bejn Ġibiltà jew il-Latvja fil-League C jew l-Iżlanda, il-Bulgarija, l-Estonja fil-League D hekk kif il-poloz tal-fażi tal-kampjonat tal-UEFA Nations League 2026/27 saru fi Brussell nhar il-Ħamis.
Malta se tilgħab jew fil-League D jew fil-League C, skont ir-riżultat tal-play-off tal-League C/D kontra l-Lussemburgu. Malta tilqa’ lil-Lussemburgu fis-26 ta’ Marzu u mbagħad tilgħab il-logħba tar-ritorn fil-Lussemburgu fil-31 ta’ Marzu. Jekk tikseb il-kwalifikazzjoni, Malta tilgħab fil-League C għall-ewwel darba. Inkella, Malta terġa’ tilgħab f’League D.
L-54 assoċjazzjoni membru tal-UEFA li qed jipparteċipaw fil-UEFA Nations League 2026/27 ġew maqsuma f’erba’ kampjonati, ibbażati fuq il-Lista ta’ Aċċess u sakemm isiru l-play-offs tal-UNL League C/D 2024/25 f’Marzu 2026.
Il-fażi tal-kampjonat se tibda b’tieqa internazzjonali mtawla mill-24 ta’ Settembru sas-6 ta’ Ottubru 2026, li matulha t-timijiet se jilagħbu erba’ logħbiet tan-Nations League wara xulxin. L-aħħar żewġ Matchdays isiru bejn it-12 u s-17 ta’ Novembru.
It-timijiet jiffaċċjaw lit-timijiet l-oħra fil-gruppi tagħhom kemm f’darhom kif ukoll barra minn darhom, għalhekk sitt logħbiet għat-timijiet fil-League A-C, u erbgħa fil-League D.
Ir-rebbieħa u t-tieni fil-klassifika tal-grupp tal-League A javvanzaw għall-kwarti tal-finali f’darhom u barra minn darhom, bir-rebbieħa ta’ dawn il-logħbiet jikkwalifikaw għall-finali b’erba’ timijiet skedati għal Ġunju 2027.
It-timijiet fir-raba’ post fil-Leagues A u B jiġu relegati awtomatikament għal-Leagues B u C rispettivament. Iż-żewġ timijiet fir-raba’ post bl-inqas klassifika fil-League C jiġu relegati għal-League D.
L-erba’ rebbieħa tal-gruppi fil-Leagues B u C, kif ukoll iż-żewġ rebbieħa tal-gruppi fil-League D, jiġu promossi awtomatikament għal-Leagues A, B u C rispettivament.
It-timijiet fit-tielet post tal-League A u t-tieni fil-klassifika tal-League B, kif ukoll it-timijiet fit-tielet post tal-League B u t-tieni fil-klassifika tal-League C, jilagħbu play-off ta’ promozzjoni/relegazzjoni f’darhom u barra minn darhom.
Se jkun hemm ukoll play-offs bejn iż-żewġ timijiet bl-aqwa klassifika fir-raba’ post mil-League C u ż-żewġ timijiet li ġew fit-tieni post mil-League D.
Il-UEFA Nations League 2026/27 hija mistennija li tkun marbuta mal-kwalifikazzjoni għall-UEFA EURO 2028 fir-Renju Unit u r-Repubblika tal-Irlanda. Abbażi tar-riżultati tagħhom fil-UEFA Nations League, xi timijiet se jingħataw it-tieni ċans biex jidħlu fil-play-offs għat-turnew finali.
Intant, il-poloz l-oħra rriżultaw hekk:
League A
Grupp A1: Franza, Italja, Belġju, Turkija
Grupp A2: Ġermanja, Olanda, Serbja, Greċja
Grupp A3: Spanja, Kroazja, Ingilterra, Repubblika Ċeka
Grupp A4: Portugall, Danimarka, Norveġja, Wales
League B
Grupp B1: Skozja, Svizzera, Slovenja, Maċedonja ta’ Fuq
Grupp B2: Ungerija, Ukraina, Georgia, Irlanda ta’ Fuq
Grupp B3: Iżrael, Awstrija, Irlanda, Kosovo
Grupp B4: Polonja, Bosnja, Rumanija, Żvezja
League C
Grupp C1: Albanija, Finlandja, Belarus, San Marino
Grupp C2: Montenegro, Armenja, Ċipru, Latvja/Ġibiltà*
Grupp C3: Każakstan, Slovakkja, Gżejjer Faroe, Moldova
Grupp C4: Islanda, Bulgarija, Estonja, Lussemburgu/Malta*
League D
Grupp D1: Ġibiltà/Latvja*, Malta/Lussemburgu*, Andorra
Grupp D2: Litwanja, Ażerbajġan, Liechtenstein
(*Ġibiltà u Latvja kif ukoll Malta u Lussemburgu se jikkompetu fil-playoffs tar-relegazzjoni biex jiddeterminaw liema timijiet se jiġu relegati għal League D)

