Moldova ……..2
Malta …………0
F’wirja diżappuntanti, Malta bdiet l-impenji tagħha fil-UEFA Nations League fuq nota negattiva meta minn Grupp D, sfat megħluba mill-Moldova bl-iskor ta’ 2-0.
Il-Maltin pattew qares għall-inċertezzi fid-difiża speċjalment fl-azzjoni li waslet għat-tieni goal minn penalty, waqt li setgħu sofrew aktar goals li kieku l-Moldova kienu iktar preċiżi u attenti fl-attakk u kif ukoll li kieku daħkitilhom iktar il-fortuna.
Kienu l-Moldova li ħolqu l-ewwel periklu wara sitt minuti iżda l-konklużjoni ta’ Artur Ionita kienet wisq fraġli u ntemmet barra.
Fit-23 minuta reġa’ kien Ionita li resaq viċin meta venven xutt minn barra l-kaxxa li ħabat max-xibka minn barra, biex ta l-illużjoni tal-goal.
Madankollu, fit-32 minuta, l-Moldova fetħu l-iskor permezz ta’ free-kick mill-isbaħ ta’ MIHAI CAIMACOV li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Malti, Henry Bonello, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa qabel jintemm ġewwa, b’dan ikun it-tieni goal tiegħu bil-flokk tal-Moldova.
Kien biss fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota mill-Maltin meta Steve Pisani ttanta xortih mid-distanza iżda falla l-mira.
Peró kien hemm aktar drama qabel ma ż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu hekk kif fit-tielet minuta tal-ħin miżjud, il-Moldovani ngħataw penalty meta minn nuqqas ta’ ftehim fid-difiża Maltija u l-ballun deher mitluf, il-goalkeeper Maltin waqqa’ lil Caimarov fil-kaxxa u saħansitra ġie ammonit.
Mill-11-il metru, ION NICOLAESCU li tefa’ l-ballun naħa u lil Bonello n-naħa opposta, biex irdoppja għat-team tiegħu.
Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin heddew permezz ta’ Luke Montebello iżda x-xutt tiegħu ġie salvat mingħajr wisq tbatija mill-goalkeeper Dumitru Celeadni.
Fit-52 minuta, il-Moldova kienu għoddhom skorjaw it-tielet goal meta Nicolaescu approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża Maltija u t-tentattiv tiegħu ġie mċaħħad minn sieq il-wieqfa. Fis-66 minuta, freekick ċentrali ta’ Nicita Motpan għadda ftit għoli.
Il-Maltin wieġbu fl-84 minuta b’xutt fil-baxx mid- distanza ta’ Matthew Guillaumier li ġie salvat minn Celeadni.
Sa tmiem il-partita, il-Moldova komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom biex huma favoriti li jiksbu l-promozzjoni.
MOLDOVA: 1-Dumitru Celeadnic, 20-Sergiu Platica, 14-Artur Craciun, 15-Victor Mudrac, 6-Denis Marandici, 2-Oleg Reabciuk, 11-Mihai Caimarov (13-Maxim Cojocaru 85), 8-Nicita Motpan (19-Victor Bogaciuc 70), 22-Vadim Rata, 7-Artur Ionita (16-Victor Stina 75), 9-Ion Nicolaescu (10-Vitalie Damascan 70) – Coach: Serghei Clescenco
MALTA: 1-Henry Bonello, 22-Zach Muscat, 5-Kurt Shaw, 2-Jean Borg, 7-Joseph Essien Mbong, 20-Yannick Yankam (15-Carlo Zammit Lonardelli 46), 6-Matthew Guillaumier (17-Nikolai Muscat 76), 3-Ryan Camenzuli, 8-Steve Pisani (10-Teddy Teuma 71), 9-Kemar Reid (11-Luke Montebello 46), 21-Paul Mbong (14-Kyrian Nwoko 71) – Coach: Michele Marcolini
REFEREE: Mykola Balakin (Ukrajna)
ASS. REFEREES: Oleksandr Berkut, Dmytro Zaporozhenko (Ukrajna)
RABA’ UFF: Vitally Romanov (Ukrajna)
SKORERS: M. Caimacov 32, I. Nicolaescu 48 (Mdv)
AMMONITI: M. Guillaumier, Z. Muscat, H. Bonello (M), N. Motpan, V. Damascan (Mdv)