Friday, November 15, 2024

UNL: Illum Ġermanja v Ingilterra … tqanqal nostalġija kbira …

Aqra wkoll

L-aqwa logħba tal-lum tal-UEFA Nations League hija bla dubju dik minn League A bejn il-Ġermanja u l-Ingilterra li se tintlagħab fl-Allianz Arena ta’ Munich bil-logħba l-oħra mill-istess grupp tkun dik li fiha l-Italja jilqgħu lill-Ungerija, fi Stadio Dino Manuzzi ta’ Cesena.

Wara li kull team lagħab l-ewwel logħba huma l-Ungeriżi li marru l-aħjar meta f’Budapest għelbu lill-Ingilterra 1-0 bil-goal jasal minn penalty fis-66 minuta.

U meta l-Italja u l-Ġermanja spiċċaw fi draw ta’ 1-1 huwa t-team tat-Taljan, Marco Rossi, li jinsab fil-quċċata.

Din se tkun l-34 logħba bejn l-Anglo-Sassoni meta fit-33 li saru s’issa huma l-Ingilterra li minnhom rebħu 15 u l-Ġermanja 14 bl-erbgħa l-oħra jintemmu fi draws.

Iż-żewġ rivali għandhom sensiela pożittiva ta’ numru ta’ logħbiet bla telfa fejn l-itwal waħda hija tal-Ingliżi bi draw u seba’ rebħiet mifruxa fuq 36 sena minn Mejju 1930 sa Lulju 1966 li kienet il-finali tat-Tazza tad-Dinja li fiha l-eroj kien Geoff Hurst li skorja hat-trick fir-rebħa 4-2 wara l-ħin barrani.

Min-naħa tal-Ġermaniżi s-sensiela kienet ta’ ħames rebħiet li damet disa’ snin minn Settembru 1987 sa Ġjunju 1996.

Fost it-33 logħba kien hemm bosta li baq­għu jissemmew sal-lum bl-aħħar waħda tkun fil-Euro 2020 meta l-Ingliżi rebħu 2-0 f’Wembley.

Minbarra l-finali tal-1966 ta’ min isemmi r-rebħa tal-Ġermanja fil-kwarti-finali tal-Mondjali 1970 li fiha huma dawru telfa f’rebħu ta’ 3-2 wara li kienu żewġ goals minn taħt biex eliminaw liċ-champions tad-dinja renjanti.

Die Mannschaft komplew ikunu ta’ agunija għall-avversarji tagħhom, l-ewwel fit-Tazza tad-Dinja 1990 u wara fil-Euro 1996, it-tnejn bl-għoti tal-penalties.

Imbagħad fl-2001 l-Ingliżi rebħu 5-1 fil-Ġermanja fil-kwalifiki Mondjali waqt li fl-istess kompetizzjoni tal-2010 fl-Afrika t’Isfel il-Ġermaniżi rebħu 4-1 f’ċirkostanzi kontroversjali.

Ekonomija

Sport