Illum Malta tibda l-impenji tagħha fit-tielet edizzjoni tal-UEFA Nations League meta tilgħab barra minn xtutna kontra San Marino liema partita hija valida minn Grupp D2 li jinkludi wkoll lill-Estonja.
It-team immexxi mill-cocah, Devis Mangia, għadu ġej minn telfa minima ta’ 1-0 f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Venezwela fl-Istadium Nazzjonali.
It-team ma kellux logħba faċli kontra l-players Sud Amerikani għalkemm Mangia ħejja pjan dixxiplinat li sa ċertu punt żamm l-iskor baxx.
Il-partita kontra San Marino se tkun l-ewwel minn sensiela ta’ erba’ partiti li rridu nilagħbu f’din il-kompetizzjoni hekk kif bħal-lum ġimgħa nerġgħu nilagħbu kontra San Marino, fl-Istadium Nazzjonali … wara li nhar il-Ħamis li ġej nospitaw lill-Estonja li ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 għand San Marino.
Waqt konferenza li saret il-bieraħ, il-coach nazzjonali Devis Mangia saħaq li l-players iridu jagħtu l-massimu mingħajr ma jissottovalutaw lill-avversarji biex nibdew din il-kompetizzjoni fuq nota pożittiva.
“Huwa ta’ unur li tkun taf li Malta hija waħda mill-favoriti li tirbaħ il-grupp. Dan ifisser li qed nagħmlu xogħol tajjeb,” huwa qal.
Iżda Mangia tenna li hemm ħafna xogħol xi jsir hekk kif San Marino fl-aħħar tliet logħbiet, taħt it-tmun ta’ coach ġdid, dejjem kienu fil-logħba. Huwa sostna li l-players Maltin għandhom ikunu konċentrati.
“Aħna lgħabna tlett ijiem ilu kontra l-Venezwela, imma dik kienet partita ta’ ħbiberija u wieħed m’għandux iqabbel it-tnejn. Il-miri tagħna għal dik il-logħba ntlaħqu – li nibqgħu fil-logħba, li jkollna l-mumenti tagħna u li nagħtu spazju lill-players biex juru l-importanza tagħhom.
“Se nilagħbu kontra avversarji tal-livell tagħna. Din il-kompetizzjoni tat lill-pajjiżi bħal tagħna l-opportunità biex jippjanaw u joħolmu biex javvanzaw. Fuq il-karta jidher li qegħdin fi żvantaġġ fejn jidħlu pajjiżi li huma ferm aktar klassifikati minn tagħna.”
Mangia se jkollu jgħaddi mingħajr Teddy Teuma u Ryan Camenzuli li huma sospiżi. Madankollu Mangia tenna li dawn iż-żewġ players se jiġu sostitwiti b’mod tajjeb.
“L-isfidi tal-logħba f’San Marino se jkunu differenti, speċjalment li se jkollna nilagħbu fit-3.00 pm fis-sħana. Irridu niżguraw li l-livelli tagħna ta’ konċentrazzjoni jkunu tassew għoljin,” temm jgħid Mangia
Din se tkun it-tieni darba fl-istorja li l-Maltin se jilagħbu kontra San Marino. L-uniku konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet imur lura għall-14 ta’ Awwissu, 2012, meta f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet fi Stadio Olimpico ta’ Serravalle, il-Maltin kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2, bil-goals jaslu minn doppjetta ta’ Michael Mifsud u Andrei Agius … taħt it-tmexxija tal-coach Pietro Ghedin.
Illum, il-Maltin se jilagħbu fl-istess stadium. L-uniku player li baqa’ minn dak it-team huwa Steve Borg. Dak in-nhar huwa beda l-partita iżda kellu jċedi postu lil Ryan Fenech. Dik kienet il-ħames logħba tiegħu mat-team nazzjonali Malti meta kien player ta’ Valletta. Jekk jilgħab illum tkun is-66 waħda tiegħu iżda din id-darba bil-flokk ta’ Hamrun Spartans.
L-avversarji tal-lum huma rrankjati fil-211-il post tal-FIFA u huma mmexxija mill-coach, Fabrizio Costantini. Huma qed jitqiesu bħala l-inqas team fost it-tlieta hekk kif nhar il-Ħamis tilfu l-konfront f’darhom kontra l-Estonja.
Kif jindikaw r-rankings, it-team ma tantx qed jikseb riżultati daqshekk pożittivi tant li tilef l-aħħar 12-il logħba li lagħab.
Malta qed tipprepara bis-sħiħ għal dan il-konfront importanti hekk kif Mangia ilu għaddej bit-taħriġ għal dawn l-aħħar ġimgħat.
Wara l-logħba kontra l-Venezwela, Mangia għażel is-26 player fl-iskwadra finali fejn ġew imneħija Cain Attard ta’ Birkirkara, Jake Grech ta’ Hibernians u Mattia Veselji ta’ Floriana mil-lista provviżorja, b’dan tal-aħħar proprju nhar il-Ġimgħa kien impenjat mat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena kontra s-Slovakkja (1-3) valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew.
Mangia se jkollu jgħaddi wkoll mingħajr il-winger Ryan Camenzuli u l-player ta’ nofs il-ground Teddy Teuma li jinsabu sospiżi logħba wara li tkeċċew fl-aħħar logħba ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja kontra s-Slovakkja. Peró xorta għandu l-potenzjal biex jikseb it-tliet punti.