Saturday, December 21, 2024

UNL: Illum Malta tilgħab kontra Andorra

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti jrid ipatti bil-kbir għat-telfa diżappuntanti li sofra kontra l-Moldova fl-ewwel impenn uffiċjali minn League D1 tal-UEFA Nations League meta, f’Andorra La Vella, jaffronta lil Andorra.

Immexxija mill-coach Taljan, Michele Marcolini, il-Maltin ma laħqux il-livell mixtieq fil-partita li ntlagħbet, fil-belt kapi­tali ta’ Chisinau … u ma kien hemm l-ebda dubju fejn kienu se jmorru t-tliet punti.

Il-Moldovani fetħu l-iskor minn free-kick stupend ta’ Mihail Caimacov li qabad lill-Maltin fuq sieq waħda meta kienu għadhom qed jorganizzaw lilhom infus­hom. 

Peró, wieħed irid jgħid ukoll li l-avversarji tagħna ngħataw rigal hekk kif fil-ħin miżjud il-goalkeeper, Henry Bonello, ġie ġġudikat li kkommetta foul fuq l-istess Caimacov, iżda kien dan tal-aħħar li fittex il-foul bil-konsegwenza li aċċentwa l-waq­għa. Mill-11-il metru kien Ion Nicolaescu li xeħet lil Bonello fuq in-naħa l-ħażina. 

Fit-tieni taqsima, il-Maltin ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda ftit li xejn kienu effettivi lejn il-lasti Moldovani.

B’din il-prestazzjoni diżappuntanti kien hemm kritika ħarxa lejn Marcolini li assuma r-responsabbiltá ta’ din it-telfa.

Għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tal-Maltin hekk kif l-aħħar rebħa kompetittiva barra minn darna kienet proprju f’din il-kompetizzjoni, kontra San Marino bl-iskor ta’ 2-0, nhar il-5 ta’ Ġunju, 2022, bl-iskorers ikunu Jan Bu­suttil u Matthew Guillaumier. 

Fil-konferenza stampa tal-bieraħ, Marcolini sostna li t-team lest jirrispondi għad-diżappunti riċenti b’fokus, enerġija, u determinazzjoni mġedda. Meta rrifletta fuq it-telfa riċenti kontra l-Moldova, Marcolini kien sinċier iżda ottimist hekk kif enfasizza diversi punti ewlenin qabel il- partita kontra Andorra.

Huwa ma ddejjaqx mir-realtà tal-forma riċenti ta’ Malta: “Aħna lkoll diżappuntati wara r-riżultat ħażin kontra l-Moldova.

“Ir-rieda hija ċara. Irridu niksbu riżultat pożittiv billi nuru l-karattru u l-ħiliet tagħna wara din il-prestazzjoni negattiva. Irridu nilagħbu ħafna aħjar. Jidher ċar li t-team jinsab ħerqan li jimxi ‘l quddiem u jipprova l-kwalità tiegħu f’din il-partita.

Marcolini faħħar il-ħila tal-oppożizzjoni li tfixkel il-logħba tal-avversarji: “Andorra huma team li jġiegħel lill-avversarji jilagħbu ħażin minħabba l-aggressività u l-attitudni tagħhom fil-ground.”

Filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li l-players tiegħu jridu jkunu viġilanti, il-coach irrimarka li Andorra ħafna drabi jiddependu fuq stil ta’ logħob dirett, b’enfasi fuq ir- rebħ tal-ballun, speċjalment fl-ajru. 

“Jekk irridu niksbu riżultat pożittiv, ikollna nirbħu ħafna blalen, partikolarment fl-ajru. Hekk kif ikollna l-ballun, irridu niżviluppaw il-logħob tagħna b’aktar kwalità milli għamilna kontra l-Moldova,” huwa rrimarka.

Marcolini ta indikazzjoni li se jagħmel xi tibdil fil-formazzjoni. Filwaqt li rrifletta fuq il-lezzjonijiet meħuda mil-logħba kontra l-Moldova, huwa stqarr: “L-aħħar partita tatni indikazzjonijiet — tajba għal xi players u ħażina għal oħrajn. 

Barra minn hekk, logħba oħra wara tlett ijiem biss wara vjaġġ twil ħafna għandu l-effett tiegħu. Se jkun hemm xi bidliet.”

Din ir-rieda biex jaġġusta l-iskwadra turi l-approċċ pragmatiku tal-coach u r-rieda li jsib l-aħjar kombinazzjonijiet biex jiżgura riżultat pożittiv.

Wieħed mill-players ewlenin li ddiskuta Marcolini kien Teddy Teuma. Il-midfielder sofra injury żgħira lejn tmiem il-partita preċedenti, iżda l-coach esprima fiduċja fih.

“Teddy kien kapaċi jamministra l-injury tiegħu tajjeb ħafna fl-aħħar minuti tal-partita. Ħassu tajjeb waqt il-logħba, u r-reaz­zjoni tiegħu f’dawn il-jiem kienet tassew pożittiva. Xorta se nevalwaw jekk hux se jkun jista’ jkun parti mit-team għal din il-partita,” temm jgħid Marcolini. 

Iż-żewġ naħat iltaqgħu erba’ darbiet, bil-Maltin joħorġu rebbieħa f’okkażjoni waħda, dik tal-14 ta’ Novembru, 2020, bl-iskor ta’ 3-1, b’goals minn Jurgen Degab­riele, Shaun Dimech u awto-goal ta’ Emil Garcia.

It-tliet partiti l-oħra spiċċaw fi draws ta’ 1-1 (08.02.2000), 1-1 (27.03.2002) u 0-0 (10.10.2020). 

Il-partita tibda fid-8.45 pm u tintwera diretta fuq TVMSports+.

Ekonomija

Sport