Saturday, December 28, 2024

UNL: Illum Malta tilgħab kontra l-Moldova

Aqra wkoll

Illum, fl-Istadium Nazzjonali, it-team nazzjonali Malti jospita lil dak tal-Moldova liema partita hija valida minn League D2 tal-UEFA Nations League. 

Din se tkun l-ewwel partita uffiċjali tal-coach temporanju, it-Taljan, Davide Mazzotta, wara li ħa post il-kompatrijott tiegħu, Michele Marcolini, li tkeċċa mill-kariga, f’Settembru li għadda. 

Fil-veritá, Mazzotta kien mexxa lit-team Malti, nhar is-27 ta’ Settembru, 2022, fir-rebħa ta’ 2-1 fil-partita ta’ ħbiberija kontra l-Iżrael. Dak in-nhar huwa ngħata r-responsabbiltá bħala l-assistent ta’ Devis Mangia hekk kif dan tal-aħħar kien sospiż mill-MFA.  

Fl-ewwel jiem tiegħu Mazzotta kellu ċ-ċans jara sew lill-players li għażel fejn fost l-oħrajn sejjaħ għall-ewwel darba liż-żagħżugħ Basil Tuma (Reading FC), lill-Brażiljan naturalizzat Malti, Gabriel Bohrer Mentz (Gzira U.) u lil Trent Buhagiar (Brescia). 

Minbarra li dan se jkun l-10 konfront kontra l-Moldova, wara rebħa, tliet draws u ħames telfiet, il-partita tal-lum se tkun it-tieni waħda ta’ din l-edizzjoni. 

Dan wara li fis-7 ta’ Settembru, fil-belt ta’ Chisinau, l-avversarji tagħna kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 … b’goals minn Mihail Caimacov u Igor Nicolaescu (penalty).  

Għaldaqstant biex nirbħu l-promozzjoni għal League C, irridu nirbħu b’vantaġġ ta’ tliet goals minħabba l-konfronti diretti. Jekk nirbħulhom b’vantaġġ inqas, imbagħad jiddependi mid-differenza ta’ goals, hekk kif f’Novemrbu jmissna nilagħbu kontra Andorra. F’każ ta’ draw, jkunu l-Moldova li jirbħu l-promozzjoni. 

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, Mazzotta stqarr li din il-partita se tkun waħda diffiċli waqt li ddiskuta l-menta­lità u l-preparazzjoni tat-team. Iżda huwa wassal messaġġ ta’ fiduċja, twemmin, u rispett lejn l-avversarji, filwaqt li rrikonoxxa is-sinifikat ta’ din il-logħba. 

Huwa faħħar il-potenzjal u l-esperjenza tal-iskwadra. Barra minn hekk huwa aċċenna l-fatt li ħadem ma’ bosta players preżenti meta kien fil-kariga ta’ assistent u għaldaqstant tawh il-fiduċja biex jerġa’ jieħu dan l-irwol.  

“Huwa għalhekk li aċċettajt li niġi lura naħdem mat-team nazzjonali. Huwa ta’ unur għalija li nkun il-coach ta’ Malta, team fejn ħallejt qalbi,” żied Mazzotta filwaqt li rrifletta fuq ir-rabta profonda tiegħu mal-iskwadra. Minkejja d-diffikultajiet, jemmen li Malta kapaċi tikkompeti mal-Moldova jekk it-team jagħmel bi twemmin u b’kuraġġ.

Il-coach Taljan żvela li t-team implimenta tattiċi ġodda, li jirrikonoxxu n-natura tal-football li dejjem qed tevolvi. Filwaqt li r-rispett lejn il-Moldova huwa ċar, huwa sostna li l-Maltin se jinżlu għal dan il-konfront b’umiltá u kunfidenza.

Huwa enfasizza l-importanza tal-kunfidenza fih innifsu, li jemmen li hija essenzjali biex jinkiseb riżultat pożittiv. Mazzotta qal li qed jifhem ukoll l-istat emozzjonali tal-players, fejn ammetta li xi wħud ħassewhom demora­lizzati wara l-partiti preċedenti. Madankollu, huwa għadu ottimist, wara li ra l-attitudni pożittiva u d-determinazzjoni tagħhom waqt it-taħriġ.

“Jien tkellimt ma’ kull player, u minkejja li bosta kienu kemm­xejn b’moral baxx,  nemmen li jekk iġibu l-fiduċja li wrew fit-taħriġ fil-ground, nistgħu niksbu riżultat pożittiv,” żied jgħid Mazzotta.

Tkellem ukoll il-player, Joseph Mbong, li qal li hu u sħabu qed iħossu l-pressjoni tal-partita minħabba n-natura deċiżiva tagħha. Madankollu, huwa esprima fiduċja netta fir-rieda u d-determinazzjoni tat-team, kemm mentalment kif ukoll fiżikament.

Ekonomija

Sport