Illum Malta tilgħab it-tielet partita minn Grupp D tal-UEFA Nations League meta tospita lil San Marino fl-Istadium Nazzjonali.
Peró b’qalb muġugħa, il-coach nazzjonali Devis Mangia, sellem lill-kit manager, Mark Piscopo magħruf bħala “il-Lullu” wara li nhar il-Ġimgħa li għadda tħabbret il-mewt tiegħu wara marda qasira. Huwa qal:
“Il-Lullu kien il-pilastru ta’ dan it-team. Meta ltqajt miegħu mill-ewwel impressjonani. Dejjem naħseb li filwaqt li jiena ma nibqax inservi lit-team u l-players jikbru u jitilqu … il-Lullu se jibqa’ hawn għal bosta snin.
“Fil-logħba kontra San Marino rridu nagħtu l-massimu tagħna biex nonoraw il-memorja tiegħu. Barra minn hekk irridu nirbħu biex nibqgħu biċ-ċans għall-promozzjoni meta f’Settembru nilagħbu kontra l-Estonja.
“F’dan il-mument huwa diffiċli biex ngħollu l-moral wara telfa kalċistika u wara telfa ta’ membru mill-familja tagħna.”
Anke Zach Muscat fisser lil Piscopo bħala l-ħajt tal-kenn tal-players speċjalment fil-mumenti diffiċli. Peró il-kliem tiegħu ta’ “Allegrija u Kuraġġ” se jibqgħu jidwu fid-dressing room.
Intant, dan se jkun it-tieni konfront bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet f’temp ta’ ġimgħa wara li l-Ħadd li għadda, f’Serravalle, il-Maltin ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.
F’din il-partita, wara taqsima mingħajr goals minkejja li l-Maltin kienu l-aħjar team, iż-żewġ goals waslu wara l-mistrieħ biex kisbu t-tliet punti …. grazzi għal goal kapolavur ta’ Jan Busuttil u Matthew Guillaumier li rdoppja minn daqqa ta’ ras.
Madankollu, t-team immexxi minn Mangia bħalissa jinsab b’moral kemmxejn baxx hekk kif nhar il-Ħamis li għadda, ħriġna telliefa f’Ta’ Qali kontra l-Estonja bl-iskor ta’ 2-1, f’partita li stajna rbaħna iżda fl-istess waqt kienet karatterizzata minn bosta żbalji.
Il-punt ta’ riferiment ta’ dan il-konfront kien il-penalty fallut ta’ Teddy Teuma biex il-partita ħadet xejra oħra. M’hemm l-ebda regola li penalty jrid bilfors jiġi skorjat iżda dan il-fatt ħalla impatt negattiv fuq il-players Maltin li tilfu l-kordinazzjoni kif ukoll dehru viżibbilment diżorjentati mentalment.
U biex l-affarijiet ikomplu ġejjin aktar ħażin, ftit minuti wara l-avversarji fetħu l-iskor minn Konstantin Vassiljev li l-azzjoni ta’ dan il-goal bdiet minn żball fi tliet kwarti ta’ ground.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin dehru organizzati u kienu aktar kompatti biex b’mod gradwali bdew jirbħu l-inizjattiva u kienu wkoll territorjalment dominanti. Dan filwaqt li wasal il-goal tad-draw minn corner dirett ta’ Jurgen Degabriele bil-goalkeeper, Karl Hein, jixħet fix-xibka tiegħu stess.
Kien hemm aspettattivi għoljin fejn kulħadd beda jittama għal rebħa. Peró minkejja li konna kemmxejn aħjar, qatt ma mpenjajna serjament lill-goalkeeper avversarju … biex imbagħad wasal dak il-mument li ħadd ma kien qed jistenna … erba’ minuti fil-ħin miżjud … żball f’nofs il-ground … l-avversarji serqu l-pussess … ġirja waħda lejn il-lasti tagħna … u goal … li ġarraf għal kollox dak li ilna nibnu sa minn qabel din il-kompetizzjoni.
Issa rridu ninsew dan id-diżappunt u nippreparaw għal-logħba tal-lum. Xorta waħda se nibdew favoriti li noħorġu bit-tliet punti … peró l-coach nazzjonali jrid jagħmel ċertu tibdil (minħabba li bosta players jidhru eżawriti) u dawk li jintgħażlu jridu jqumu għall-okkażjoni.