Friday, December 13, 2024

UNL: Illum Malta tospita lil Andorra

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Illum Malta tilgħab l-aħħar partita tal-UEFA Nations League ta’ din l-edizzjoni meta fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali tiffaċċja lil Andorra.

Sfortunatament, il-Maltin ma jistgħux jissieltu għall-ewwel post minħabba li nhar is-Sibt li għadda, il-Moldova ħadu r-rebħa li kellhom bżonn, proprju kontra Andorra, meta l-uniku goal tal-partita wasal fit-92 minuta.

Anke jekk il-Maltin jegħlbu lil Andorra u jtemmu bl-is­tess ammont ta’ punti daqs il-Moldova, dawn tal-aħħar “reb­ħu” l-konfronti diretti  meta fl-ewwel logħba kienu għelbu lil Malta 2-0, filwaqt li l-Maltin kienu rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0.

Jiġri x’jiġri fil-partita tal-lum, f’Marzu li ġej il-Maltin se jilagħbu fir-relegation/promotion play-off, bit-team avversarju għad irid jiġi magħruf.

Din se tkun il-ħames partita tal-coach temporanju naz­zjonali, Davide Mazzotta, fit-tmexxija tat-team Malti, fejn rebaħ l-erbgħa preċedenti – tnejn tal-UEFA Nations League – fl-14 ta’ Novembru 2020 v Andorra 3-1 (Devis Mangia kien qed jiskonta sospensjoni ta’ partita) u fit-13 ta’ Ottubru 2024 v Moldova (1-0) … u żewġ partiti ta’ ħbiberija – fis-27 ta’ Settembru, 2022 v Iżrael 2-1 (Mangia tneħħa mir-responsabbiltajiet tiegħu mill-MFA) u fl-14 ta’ Novembru v Liechtenstein 2-0.

Barra minn hekk, il-Maltin għandhom rekord tajjeb kontra Andorra meta minn ħames laqgħat il-Maltin rebħu tnejn, bit-tlieta l-oħra jtemmu fi draw.

L-aħħar konfront, validu minn din l-edizzjoni, ħriġna rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0, liema partita ntlagħbet f’Andorra La Vella, bil-goal jasal minn Ryan Camenzuli.

Sadanittant, fil-konferenza stampa ta’ qabel il-logħba, il-coach Mazzotta enfasizza li filwaqt li r-riżultat diżappun­tanti tas-Sibt seta’ naqqas l-ispirtu, it-team jibqa’ magħqud u motivat biex jagħlaq din il-kampanja fuq nota għolja.

“Ninsabu ftit diżappuntati wara r-rebħa tal-Moldova ta’ nhar is-Sibt li għadda, iżda l-grupp tagħna jinsab f’armonija. Il-ħolma hija mitlufa, iżda l-għan tagħna huwa li nis-­piċċaw il-grupp b’disa’ punti, daqs ir-rebbieħa attwali, il-Moldova. Għandi fiduċja netta fil-players,” huwa qal.

Mazzotta jinsab fiduċjuż li l-players se jagħtu l-massimu tagħhom filwaqt li t-team huwa ppreparat għal dan il-konfront.

“Nafu li Andorra huma aggressivi u m’għandhom xejn x’jitilfu. Min-naħa tagħna, m’għandniex nitilfu  l-konċentrazzjoni iżda nżommu mal-pjani tagħna. Nafu lilna nfusna u x-xewqa tagħna li niskorjaw.”

Filwaqt li rrikonoxxa l-ġlieda kontinwa ta’ Malta b’ċansijiet ta’ konverżjoni, Mazzotta kien ottimist dwar il-potenzjal tat-team. “Ma tiddependix biss minna iżda wkoll mill-avversarji tagħna. Bħat-timijiet kollha, ħafna drabi niffaċċjaw diffikultajiet biex niskorjaw, iżda għandna ideat li għadna ma implimentajniex. Dawn l-affarijiet jieħdu ż-żmien biex isiru awtomatiċi,” temm jgħid il-coach Taljan.

Min-naħa tal-attakkant, Jurgen Degabriele, dan sostna li  “Din hija partita tat-team nazzjonali u għalaqstant niżlu nilagħbu biex nirbħu.”

Huwa tenna wkoll li jħossu onorat bis-sejħa biex jilgħab għal Malta iżda l-aktar ħaġa importanti għalih hija li jkun validu u utli fil-ground. Huwa żied jgħid li jixtieq jilgħab kull partita li fiha, flimkien ma’ sħabu, jħalli l-impatt neċessarju. 

Il-logħba se tintlagħab fid-8.45 pm fl-Istadium Nazzjonali u se tintwera diretta fuq TMVSport+

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport