Friday, May 30, 2025

UNL: It-team nazzjonali tan-Nisa jikseb il-promozzjoni għal League B b’rebħa fuq Ċipru

Aqra wkoll

Malta ……..1

Ċipru ……..0

Minn Cristian Muscat

It-team nazzjonali Malti tan-nisa għamel ċert mill-promozzjoni għal Lea­gue B tal-UEFA Nations League meta għeleb lil Ċipru bl-iskor ta’ 1-0 f’logħba minn Grupp C2 fl-Istadium Naz­zjonali quddiem attendenza rekord ta’ 1,205 spettatur.

Meta kull team baqagħlu jilgħab l-aħħar logħba nhar it-Tlieta li ġej, Malta tinsab fl-ewwel post tal-klassifika bi 12-il punt, ħamsa fuq l-is­tess Ċipru waqt li Georgia jinsabu fit-tielet post b’sitt punti u Andorra warajhom b’erbgħa.

Dan kien suċċess ieħor għat-team immexxi mill-coach, Manuela Tesse, billi din kienet it-tieni promoz­zjoni għat-team nazzjonali tan-nisa b’dik storika tkun fl-ewwel edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni fl-2023.

Kienu ċ-Ċiprijotti li ħarġu fuq l-offensiva u heddew fil-11-il minuta meta Elena Aristodimou xeħtet lejn Antri Vio­lari, bil-goalkeeper, Janice Xuereb, tantiċipa bil-ballun jerġa’ jiġi għand Aristodimou li kellha konklużjoni mblukkata minn Lipman.

Mal-kwarta logħob, il- Maltin resqu viċin meta  Kailey Willis għaddiet lejn Haley Bugeja li kellha xutt sabiħ salvat f’żewġ tentattivi filwaqt li, fl-34 minuta, Haley Bugeja żmarkat lil Rachel Cuschieri, li  waħedha quddiem il-goalkeeper, Matthaiou, falliet il-mira.

Fl-40 minuta, Xuereb imblukkat mill-corner ta’ Chryso Michael, bil-ballun jasal għand Elena Aristodimou li minn tarf il-kaxxa laqtet il-mimduda.

Madankollu, tliet minuti wara l-Maltin fetħu l-iskor meta Emma Xuereb interċettat ballun fuq ix-xellug f’nofs il-ground u għad­dietu lejn HALEY BUGEJA li avvanzat tajjeb u daret ma’ żewġ di­fensuri qabel għelbet lil Matthaiou b’ xutt mid-dawra.

Fis-sitt minuta tat-tieni taqsima, Maria Azzopardi temmet azzjoni personali b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa li ġie salvat minn Matthaiou.

Il-Maltin komplew iżommu l-avversarji tagħhom taħt pressjoni u fid-59 minuta, Willis qassmet lejn Bugeja li kellha tentattiv imblukkat minn difensur imma l-ballun wasal għand Shona Zammit li x-xutt mill-ewwel tagħha għadda ftit għoli

Fit-72 minuta, Maria Farrugia temmet azzjoni personali b’xutt minn barra l-kaxxa, mxellef minn Matthaiou, li laqat il-minduda.

Fl-85 minuta, Farrugia kellha tentattiv ieħor salvat mill-goalkeeper Ċiprijotta u fid-90 minuta, minn corner ta’ Siakalli, Papadopoulou kkonkludiet għoli.

Malta: 1-Janice Xuereb, 4-Emma Lipman, 6-Oceane Grange, 8-Rachel Cuschieri, 9-Kailey Willis, 10-Maria Farrugia, 13-Maya Lucia, 14-Shona Zammit, 18-Emma Xuereb, 20-Nicole Sciberras, 21-Haley Bugeja (11-Leah Alice Ayres 90+3)  – Coach: Manuela Tesse

Ċipru: 1-Maria Matthaiou, 2-Chara Charalambous (13-Korina Adamou 64), 3-Chryso Michael (5-Efthalia Siakalli 76), 4-Andrea Cusick (11-Loucretia Chrysostomou 87), 7-Maria Panagiotou, 8-Filippa Savva, 9-Antri Violari, 10-Elena Aristodimou (6-Anna Matsouraki 87), 16-Sara Papadopoulou, 17-Marilena Georgiou, 19-Marilia Constantinou (21-Antriana Tsoukka 76).   – Coach: Renos Demetriades

REFEREE: Sabina Bolic (Kroazja)

ASS. REFEREES: Ivona Pejic,  Gordana Katusic (Kroazja)

RABA UFF: Ivana Martincic (Kroazja)

SKORER: H. Bugeja 43 (M)

AMMONITI: M. Lucia, H. Bugeja (M); S. Papadopoulou (G)

ATTENDENZA: 1,205

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport