L-Ingilterra kellhom bidu mill-aktar diżappuntanti fil-UEFA Nations League meta f’Budapest sfaw megħluba mill-Ungerija bl-iskor ta’ 1-0.
Grupp A: L-Ingilterra, li huma meqjusa fost il-favoriti li jirbħu din il-kompetizzjoni, kellhom ibaxxu rashom kontra l-Ungerija meta dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 u li bi ftit aktar attenzjoni setgħu għalqu l-partita.
L-uniku goal tal-partita wasal fl-64 minuta minn penalty meta Reece James għamel kuntatt ma’ Zsolt Nagy.
Din kienet deċiżjoni xi ftit ħarxa għalkemm f’dawk il-ħinijiet l-Ungeriżi kienu l-aħjar team.
Il-penalty ġie verifikat mill-VAR u ġie konvalidat biex mill-11-il metru Dominik Szoboszlai ma żbaljax.
Imbagħad l-Ingliżi resqu viċin li jiksbu d-draw minn daqqa ta’ ras ta’ Conor Coady minn azzjoni ta’ corner.
Peró, Andras Schafer falla ċans tad-deheb għall-Ungeriżi meta b’lasti vojta xeħet għoli.
Grupp B: L-Irlanda bdew l-impenji tagħhom bl-aktar mod diżappuntanti meta barra minn darhom sfaw megħluba mill-Armenja bl-iskor ta’ 1-0.
Il-goal importanti wasal fis-16-il minuta minn Eduard Spertsyan b’xutt mid- distanza li għeleb lil Caoimhin Kelleher.
B’din it-telfa, issa l-Irlandiżi ilhom ma jirbħu f’din il-kompetizzjoni għall-aħħar 11-il partita.
F’partita bilanċjata, il- Finlandja u l-Bosnja spiċċaw fi draw ta’ 1-1 b’dawn tal-aħħar jiksbu d-draw fil-ħin miżjud minn Smail Prevljak (93) wara li Teemu Pukki (45 pen) fetaħ l-iskor għat-team ospitu.
Grupp C: Barra minn darhom, il-Lussemburgu kisbu rebħa ta’ 2-0 fuq il-Litwanja biż-żewġ goals jaslu wieħed f’kull taqsima minn doppjetta ta’ Danel Sinani (44, 78).