Saturday, December 21, 2024

UNL: L-Italja u l-Ingilterra mtellgħin kontra xulxin

Aqra wkoll

Il-finalisti tal-Euro 2020, l-Italja u l-Ingilterra, ġew imtellgħin biex jiltaqgħu kon­tra xulxin għall-ew­wel dar­ba mindu l-finali tal-Euro 2020 meta l-bieraħ fil- kwartieri tal-għaqda li tmexxi l-football fl-Ewropa, il- UEFA, f’Nyon, l-Isvizzera, ġew imtellgħin il-poloz tat-tielet edizzjoni tal-UEFA Nations League.

L-aħħar li ltaqgħu kontra xulxin kien fil-11 ta’ Lulju fil-finali Ewropea f’Wembley Stadium li t-Taljani ħarġu rebbieħa bl-għoti tal-penalties wara li fi tmiem il-ħin barrani r-riżultat kien 1-1.

U biex il-grupp ikun komplut f’dawk li huma timijiet tal-ogħla klassi magħhom hemm ukoll il-Ġermanja bl-Ungerija jgħaqqdu l- kwadru ta’ Grupp A3.

Bla dubju l-logħba bejn l-Ingilterra u l-Italja tiġbed l-immaġinazzjoni tad-dilettanti tal-football internaz­zjo­nali madwar l-Ewropa kollha kif ukoll hawn Malta.

Ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni, il-Portugall, jinsabu fi Grupp A2 flimkien mal-fina­listi tat-tieni edizzjoni, Spanja, li fil-finali li saret f’Ottubru li għadda sfaw megħluba 2-1 minn Franza. Magħhom hemm ukoll l-Isvizera u r-Repubblika Ċeka.

Bis-saħħa tar-rebħa msemmija Franza saru l-ewwel pajjiż li rebaħ kemm il-Euro – f’żewġ okkażjonijiet – kif ukoll in-Nations League bil-coach tagħhom Didier Deschamps għandu d-distinzjoni li jirbaħ il-Euro bħala player u coach u n-Nations League bħala coach ukoll.

It-tliet avversarji ta’ Franza se jkunu l-finalisti tat-Tazza tad-Dinja 2018, il-Kroazja, kif ukoll id-Danimarka u l-Awstrija.

Il-Belġju, li jinsabu fl-ewwel post tar-rankings tal- FIFA, għandhom għadma iebsa fl-Olanda bil-Polonja u Wales ikunu iż-żewġ avversarji l-oħra meta jinsabu fi Grupp A4.

F’League B, l-Ukrajna se jiffaċjaw lill-Iskozja u l-Irlanda waqt li l-Armenja jgħaq­qdu Grupp B1.

Ir-Russja ma jidhirx li għandhom ifallu milli jis­piċċaw l-ewwel fi Grupp B2 meta għandhom lill-Albanija, l-Iżrael u l-Islanda. Iżda Grupp B3 huwa wieħed mill-bilanċjati u kulħadd jaf jagħti logħba lil xulxin.

Anke Grupp B4 huwa bilanċjat għalkemm s-Serbja u l-Isvezja jidhru li huma xi ftit superjuri għas-Slovenja u n-Norveġja.

It-Turkija jidhru tajbin biżżejjed biex jissuperaw Grupp C1 ta’ League C meta għandhom magħhom lil Faroe Islands, il-Litwanja u l-Lussemburgu.

Il-ġirien tat-Torok, il- Greċja, jistgħu jkollhom sfida mill-Irlanda ta’ Fuq u l-Kosovo b’Ċipru jew l-Estonja għad iridu jkunu jafu jekk jilagħbux magħhon jew f’League D Grupp D2.

Grupp C3 jidher wieħed miftuħ bis-Slovakkja xi ftit iktar favoriti waqt li l-Bulgarija li jinsabu fi Grupp C4 iridu jkunu iktar armati biex jispiċċaw fil-quċċata.

Malta telgħet fi Grupp D2 ta’ League D li jikkonsisti fi tliet timijiet bl-oħrajn ikunu San Marino u wieħed minn Ċipru u l-Estonja.

Kontra San Marino, Malta lagħbet darba u ħarġet rebbieħa 3-2 f’partita ta’ ħbiberija waqt li kontra Ċipru lagħbet sitt logħbiet fejn rebħet darbtejn, ġiet draw tliet darbiet u tilfet tliet darbiet bl-aħħar żewġ logħbiet mill-preliminari tat-Tazza tad-Dinja 2022, Malta rebħet 3-0 u l-logħba l-oħra ntemmet 2-2.

Kontra l-Estonja, iż-żewġ pajjiżi għandhom rekord ta’ 50% meta kull naħa rebħet żewġ logħbiet u t-tnejn l-oħra ntemmu fi draws bil-goals ikunu ugwali, favur 8 u kontra 8.

Malta kienet għelbet lill-Estonja 5-2 fil-Malta Tournament fl-2004.

Il-logħob kollu se jintlagħab f’dawn id-dati:

L-ewwel u t-tieni ġurnata: 1 u 2; 2-8 ta’ Ġunju, 2022.

It-tielet u r-raba’ ġurnata: 3 u 4; 8-14 ta’ Ġunju, 2022.

Il-ħames u s-sitt ġurnata: 5 u 6; 22-27 ta’ Settembru, 2022.

Semi-finali: 14 u 15 ta’ Ġunju, 2023.

Finali u t-tielet post: 18 ta’ Ġunju, 2023.

Play-outs: 21-23 u 24-26 ta’ Marzu, 2024.

Ekonomija

Sport