Wednesday, December 25, 2024

UNL: L-Olanda u l-Kroazja fis-semi-finali

Aqra wkoll

Meta bdew jintlagħbu l-aħħar logħbiet tal-Fażi tal-Gruppi tal- UEFA Nations League, saru magħrufa l-ewwel żewġ semi-finalisti … li huma l-Olanda u l-Kroazja meta rebħu l- logħba rispettiva tagħhom.

LEAGUE A

L-Olanda kkwalifikaw mal-aħħar erba’ ta’ din il-kompetizzoni meta laqgħu lill-Belġju u rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0, b’goal ta’ Virgil van Dijk (73).

Min-naħa l-oħra, Wales sfaw rele­gati għal League B meta f’darhom sfaw megħluba mill-Polonja bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal jasal minn Karol Swi­derski (58).

Il-Kroazja saru t-tieni team li kkwalifika għas-semi-finali  meta reb­ħu lil Awstrija 3-1 (biex dawn ġew re­legati), bl-iskorers ikunu Luka Modric (6), Marko Livaja (69) u Dejan Lovren (72) filwaqt li Christoph Baumgartner (9) wieġeb għall-Awstrijaki.

Fil-partita l-oħra, għal darb’oħra l-Franċiżi ddiżappuntaw meta marru d-Danimarka u sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ goals jaslu minn Kasper Dolberg (34) u Andreas Olsen (39).

F’darhom, Spanja ġew sorpriżi mill-Isvizzera bl-iskor ta’ 2-1 bl-iskorers ikunu Manuel Akanji (21) u Breel Embolo (58) filwaqt li Jordi Alba (55) kiseb id-draw momentarju għal Spanja.

Barra minn darhom, il-Portugall kisbu rebħa kbira bl-iskor ta’ 4-0 kontra r-Repubblika Ċeka, bil-protagonisti jkunu Diogo Dalot (33, 52), Bruno Fernandes (45) u Diogo Jota (82).

LEAGUE B

L-Iskozja laqgħu lill-Irlanda u dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 bil-goals jaslu minn Jack Hendry (50) u Ryan Christie (81 pen) wara li John Egan (18) fetaħ l-iskor għall-viżitaturi.

Iżrael ġew promossi għal League A meta għelbu lill-Albanija bl-iskor ta’ 2-1 grazzi għal goals minn Shon Weissman (46) u Tai Baribo (92) filwaqt li Myrto Uzuni (88) wieġeb għall-Albaniżi.

Aleksandar Mitrovic (18, 45, 50) kien l-eroj tas-Serbja billi skorja trippletta fir-rebħa ta’ 4-1 fuq l-Isvezja.

Il-goal l-ieħor ġie skorjat minn Sasa Lukic (70). Ironikament kienu l-Isvediżi li fetħu l-iskor minn Viktor Claesson (15).

LEAGUE C

L-Irlanda ta’ Fuq dawru telfa f’reb­ħa biex għelbu lil Kosovo bl-iskor ta’ 2-1. Kien Vedat Muriqi (58) li fetaħ l-iskor għall-viżitaturi iżda żewġ goals minn Gavin Whyte (82) Josh Magennis (90) taw ir-rebħa lit-team ospitu.

Ċipru rebħu d-”derby” kontra l-Ġreċja bl-iskor minimu ta’ 1-0 bl-unku goal tal-partita wasal minn Marinos Tzionis (18).

LEAGUE D

Andorra u l-Latvja temmew fi draw ta’ 1-1. Vladislavs Gutkovskis (50) fetaħ l-iskor għal Latvja iżda Albert Rosas (88) kiseb id-draw għal Andorra.

Moldova rebħu lil Leichtenstein 2-0 permezz ta’ doppjetta ta’ Victor Stina (91, 94).

Ekonomija

Sport