Sunday, December 22, 2024

UNL: Malta tegħleb lil San Marino permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Zach Muscat

Aqra wkoll

Malta …………..1

San Marino …..0

Malta rreġistrat rebħa ta’ 1-0 fuq San Marino fit-tielet partita tal-UEFA Nations League grazzi għal daqqa ta’ ras stupenda ta’ Zach Muscat.

Iżda trawmatizzati minn mit-telfa tal-kit manager tat-team nazzjonali u membru tal-familja kalċistika, Mark Piscopo,  li proprju nhar il-Ġimgħa li għadda tħabbret il-mewt tiegħu, il-players Maltin dehru viżżibbilment diżorjentati u damu biex isse­tiljaw hekk kif fil-minuti inizjali bdew jippruvaw jassorbu l-pressjoni tal-avversarji. Iżda mal-ħin, ladarba qabdu r-ritmu … rebħu l-iniz­jattiva u kienu l-aħjar team.   

L-ewwel azzjoni denja tal-partita waslet fl-20 minuta meta l-Maltin rebħu free-kick fi tliet kwarti ta’ ground li mogħti minn Teddy Teuma, il-goalkeeper  Elia Benedettini ħareġ jinterċetta. Ftit sekondi biss wara, Ryan Camenzuli xeħet cross insidjuż u Luke Montebello ma laħaqx għal ftit biex bir-ras seta’ xeħet fix-xibka.

Fit-22 minuta kien imiss lil Camenzuli li jittanta xortih minn pożizzjoni angolata bil-ballun jgħaddi ma’ sieq il-lasta.

Fid-29 minuta, Teuma għe­leb in-nasba tal-offside u  minn tarf il-kaxxa xeħet cross fil-baxx fejn sab lil Montebello li f’pożizzjoni ċentrali għolla l-konklujoni tiegħu. Minuta wara, kien Camenzuli li xeħet il-cross min-naħa l-oħra bil-first-timer ta’ Joseph Mbong jintemm ftit ċentimetri fuq il-mimduda.

Fl-40 minuta, Teuma venven kanunata minn tarf il-kaxxa  u bil-goalkeeper av­versarju megħlub għal kol­lox, il-ballun spiċċa ftit għoli.  

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin fetħu l-iskor minn flying header ta’ ZACH MUSCAT li sammar il-ballun fix-xibka mill-cross ta’ Camenzuli.

Fit-58 minuta, il-Maltin reġgħu heddew iżda Elia Benedettini salva fuq xutt b’saħħtu ta’ Mbong.

Fit-62 minuta, il-Maltin kellhom ferħa bla temma meta Luke Montebello xeħet fix-xibka wara li d-difiża avversarja naqset li tikklerja mid-daqqa ta’ ras ta’ Muscat iżda l-istess Montebello ġie ġġudikat li kien f’pożizzjoni millimetrika ta’ offside.

Fit-68 minuta, ħlisniha ħafif meta x-xutt ta’ Alessandro D’Addario ħabat ma’ sieq il-lasta. Tliet minuti wara kien Benedettini li salva d-daqqa ta’ ras ta’ Teuma li kienet destinata għal ġewwa. Fit-80 minuta, Montebello falla ċans tad-deheb meta minn taħt il-lasti falla l-mira.

L-aħħar azzjoni tal-logħba kienet is-save stupend ta’ Benedettini fuq suġġeriment tas-sostitut Jurgen Degabriele li deher li kien se jispiċċa fix-xibka.

MALTA:  1-Henry Bonello,   3- Ryan Camenzuli,   5-Fernando Apap (23-Jean Borg 78), 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 9-Luke Montebello (14-Alexander Satariano 87), 11-Brandon Paiber (21-Dunstan Vella 78),  13-Enrico Pepe,  17-Teddy Teuma, 20-Luke Gambin (10-Jurgen Degabriele 71), 22-Zach Muscat – Coach: Devis Mangia

SAN MARINO: 23-Elia Benedettini, 2-Alessandro D’Ad­dario (14-Tommaso Zafferani 78), 3-Mirko Palazzi, 4-Luca Ceccaroli (20-Jose Hirsch 78), 8-Michael Battistini, 9-Nicola Nanni, 11-Dante Rossi, 13-Andrea Grandoni (16-Danilo Rinaldi 61), 17-Filippo Fabbri, 19-David Tomassini (22-Marcello Mularoni 61), 21-Lorenzo Lunadei (7-Matteo Vitaioli 85) – Coach: Fabrizio Costantini

REFEREE: Dennis Higler (Olanda)

ASS. REFEREES: Erwin Zeinstra, Mario Diks (Olanda)

RABA’ UFF: Sander van der Eijk (Olanda)

SKORERS: Z. Muscat 50 (M)

AMMONITI: L. Lunadei, M. Battistini, D. Rossi (SM)

Ekonomija

Sport