Meta kompliet tintlagħab it-tieni ġurnata tal-UEFA Nations League, fl-aqwa logħba tal-ġurnata l-Kroazja u Franza spiċċaw fi draw ta’ 1-1 bil-Kroati jsalvaw ir-riżultat b’penalty lejn l-aħħar minuti.
Franza fetħu l-iskor fit-52 minuta meta Christopher Nkunku għadda lejn Adrien Rabiot li bidel il-ballun ma’ Ben Yedder, għadda fuq il-ġirja lil Josip Juranovic u għeleb lil Dominik Livakovic.
Fil-31 minuta, il-Franċiżi ħasbu li marru fil-vantaġġ meta Nkunku żmarka lil Moussa Diaby li xeħet fix-xibka iżda dan tal-aħħar ġie ġġudikat li kien f’pożizzjoni ta’ offside.
Seba’ minuti mit-tmiem il-Kroati għamlu l-iskor indaqs meta ngħataw penalty … hekk kif Andrej Kramaric xeħet lill-goalkeeper Mike Maignan fuq in-naħa l-ħażina.
Il-partita bejn l-Awstrija u d-Danimark kellha tittardja għal aktar minn siegħa minħabba qtugħ fil- provvista tal-elettriku.
Grupp B: L-Islanda ospitaw lill-Albanija u temmew fi draw ta’ 1-1. Kienu dawn tal-aħħar li fetħu l-iskor permezz ta’ Taulant Seferi (30) iżda Jon Dagur Thorsteinsson (49) kiseb id-draw għat-team ospitu.
Grupp C: F’partita bilanċjata, Belarus u l-Azerbaijan spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals liema partita ddiżappuntat minħabba li ftit li xejn kien fiha emozzjonijiet.
Il-Kazakhstan marru s- Slovakkja u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 b’goal ta’ Aslan Darabaev (26).
Grupp D: Latvja laqgħu lil Liechtenstein u għelbuhom bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal importanti jasal minn Artur Zjuzins (73).
Andorra u l-Moldova spiċċaw fi draw ta’ bla goals b’dawn tal-aħħar ikollhom lil Victor Stina (43) imkeċċi għal karta ħamra diretta.