Spanja ……..5
Franza ……..4
Nhar il-Ħadd li ġej, Spanja se jikkontestaw il- finali tal-UEFA Nations League kontra l-Portugall wara li fit-tieni semi-finali għelbu lil Franza bl-iskor ristrett ta’ 5-4.
Kienu l-Ispanjoli li ħarġu tajjeb u minn kmieni tal-partita bdew jiddettaw il-logħob, tant, li ma kienet l-ebda sopriża li sal-ewwel nofs siegħa fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals.
Kien fit-22 minuta li fetħu l-iskor meta Lamine Yamal għadda lejn Mikel Oyarzabal fil-kaxxa, żamm il-ballun biex qata’ lid-difiża avversarja u bil-kalma kollha kompla lejn Nico Williams li kien pront għeleb lill-goalkeeper Mike Maignan.
Tliet minuti wara, l-Ispanjoli rduppjaw meta Mikel Merino xeħet lejn Mikel Oyarzabal li rreċiprokalu l-ballun hekk kif l-istess Merino kien ġej bil-ġirja u sammar il-ballun fir-rokna tax-xibka.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Franċiżi ħarġu fuq l-offensiva fit-tentattiv li jidħlu fil-logħba … iżda fl-54 minuta, l-Ispanjol skorjaw it-tielet goal minn penalty ta’ Lamine Yamal wara li l-istess player twaqqa’ fil-kaxxa minn Adrien Rabiot.
Minuta biss wara, l-Iberjani għamluhom erbgħa meta mill-pass ta’ Williams, Pedri evita lil Clement Lenglet qabel ma xeħet il-ballun fix- xibka.
Madankollu, fid-59 minuta Franza naqqsu l-marġni minn penalty ta’ Kylian Mbappe.
Peró, fis-67 minuta, Spanja reġgħu kabbru l-vantaġġ minn xutt angolat ta’ Lamine Yamal.
Min-naħa l-oħra, Franza skorjaw tliet goals minn Rayan Cherki (79), minn auto-goal ta’ Dani Vivian (84) u minn Kolo Muani (93) li iżda ma kienx fadal ħin biex isalvaw il-partita.