Tuesday, June 3, 2025

UNL tan-Nisa: Il-Maltin, diġá kkwalifikati jilagħbu l-aħħar partita kontra Andorra

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

It-team nazzjonali Malti tan-nisa, immexxi mill-coach Manuela Tesse, illum jilgħab l-aħħar partita minn Grupp C2 tal-UEFA Nations League meta f’Andorra La Vella jaffaċċja lil Andorra.

Bla dubju, il-Maltin jinżlu b’moral għoli wara li aċċertaw mill-promozzjoni għal League B ta’ din il-kompetizzjoni wara li nhar il-Ġimgħa li għadda, fil-logħba kruċjali huma għelbu lil Ċipru bl-iskor ta’ 1-0 liema partita ntlagħbet fl-Istadium Nazzjo­nali. 

Kien konfront li fih l-Maltin amministraw l-andament u minkejja li ġie skorjat goal wieħed biss, stajna ħriġna bi skor akbar. 

Il-goal ta’ Haley Bugeja kien kapolavur li kull player kien ikun kburi bil-konklużjoni tagħha … li miegħu ġab injezzjoni morali u psikoloġika hekk kif fit-tieni taqsima l-players Maltin kibru fl-istatura bil-konsegwenza li din il-kwalifikazzjoni kienet waħda meritata. 

Barra minn hekk, id-dixxiplina u t-tattika li nisslet fil-players tagħna l-coach Tesse huma xhieda ta’ dan is-suċċess … wieħed irid jgħid ukoll li din kienet it-tieni promozzjoni taħt ir-responsabbiltá tagħha bl-oħra tkun fl-edizzjoni tal-2023. 

Fl-istess waqt, il-coach Tesse trid tiżgura li għall-partita tal-lum, il-players iżommu saqajhom mal-art biex jimmiraw għal reb­ħa oħra biex jinkiseb ukoll rekord ta’ punti. 

Hija talbet ukoll li l-players jibqgħu juru l-motivazzjoni minħabba li  huwa ferm faċli li tintilef il-konċentrazzjoni wara li ntlaħaq dan l-objettiv storiku. 

 Il-Maltin diġá lagħbu ħames partiti fejn wara telfa ta’ 2-1 kontra Ċipru, waslu erba’ rebħiet konsekuttivi kontra Andorra (1-0), kontra Georgia (2-1 u 3-2) u kontra Ċipru  (1-0).

Min-naħa ta’ Andorra, dawn għandhom  erba’ punti minn ħames partiti u jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika. 

B’mod sorprendenti, huma ma ġewx megħluba minn Ċipru hekk ir-riżultati kienu rebħa ta’ 2-1 u  draw ta’ 2-2. 

Il-bqija huma tilfu kontra Malta 1-0 u kontra Georgia darbtejn 2-1. Għall-fini tal-istatistika, huma skorjaw sitt goals u sofrew tmienja … filwaqt li l-Maltin skorjaw tmien goals u qalgħu ħamsa. 

It-team ta’ Andorra huwa mmexxi mill-coach, Albert Panadero,  u qed jokkupaw il-183 post fir-rankings tal-FIFA. L-akbar reb­ħiet tagħhom fl-istorja jibqgħu żewġ skors identiċi ta’ 4-1 kontra Ġibiltá u oħra ta’ 3-0 kontra l-Arabja Sawdija. 

Min-naħa l-oħra, l-ikbar telfa seħħet proprju f’Malta waqt tournament kwadrangulari kontra Faroe Islands bl-iskor ta’ 8-0.

L-iskwadra preżenti hija waħda ferm żgħira fejn l-iktar players li lagħbu għal pajjiżhom (tmien darbiet) huma Laia Sin, Paula da Silva, Marina Fernandez, Erica Goncalves u Tere Morato.

Il-logħba se tintlagħab f’Estadi de la FAF, magħruf ukoll bħala l-Nou Estadi d’Encamp, li huwa l-istadium nazzjonali l-ġdid li jinsab fil-provinċja ta’ Encamp, Andorra, b’kapaċitá ta’ 5,600 spettatur. 

Dan l-istadium ġie mibni fuq  is-sit li qabel kien jintuża għal campings li kien jiġi użat minn mijiet ta’ Katalani u Franċiżi waqt il-btajjel tagħhom. 

Iż-żewġ timijiet ltaqgħu sitt darbiet fl-istorja fejn il-Maltin dejjem ħarġu rebbieħa b’dawn l-iskors –  1-0, 3-0, 5-0, 3-0, 1-0 u 5-3.

Għalhekk il-Maltin jibdew bħala favoriti li jirbħu l-konfront minkejja li se jilagħbu barra minn darhom.

Din il-partita se tintwera b’mod dirett fuq TVMNews+, fis-7.00 pm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport