Saturday, September 14, 2024

UNL tan-Nisa: Il-Maltin jibdew b’rebħa fuq il-Latvja

Aqra wkoll

LATVJA ………0

MALTA ……….1

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa kiseb rebħa storika u tliet punti fl-ewwel logħba tal-League C Grupp 1 tal-UEFA Nations League meta barra minn darna għeleb lil dak tal-Latvja bl-iskor ta’ 1-0 grazzi għal goal minn Haley Bugeja. 

Din ir-rebħa tkompli tgħolli l-moral tal-football domestiku li miexi fid-direzzjoni t-tajba. 

Sa mis-suffara inizjali, il-Maltin ħarġu fuq l-offensiva u wara tliet minuti rebħu free-kick iżda t-tentattiv ta’ Rache Cuschieri spiċċa barra. 

L-ewwel opportunità ta’ skor tal-Latvja waslet fl-10 minuta meta Miksone rnexxielha tgħaddi l-ballun lil Zaicikova iżda x-xutt tagħha ġie salvat mill-goalkeeper Janice Xuereb.

B’mod gradwali, il-Maltin bdew jirbħu l-pussess tal-ballun u jiddettaw il-logħob iżda naqsu milli jippenetraw lid-difiża avversarja. 

Fit-22 minuta, Haley Bugeja xeħtet lejn Raina Guisti li waslet tard biex il-ballun spiċċa f’idejn il-goalkeeper avversarja. 

Fil-35 minuta, azzjoni mill-aqwa ta’ Bugeja spiċċat bit-tenattiv tagħha jiġi mdawwar f’corner. Żewġ minuti wara, il-goalkeeper Maltija kienet providenzjali meta salvat ix-xutt b’saħħtu ta’ Miksone. 

Il-Latvja komplew jippressaw u free-kick ta’ Rocane sab lil Zaicikova fil-kaxxa li bir-ras rat lil Xuereb issalva f’żewġ tentattivi. L-aħħar ċans qabel il-mistrieħ reġa’ waqa’ f’saqajn Zaicikova, iżda x-xutt b’saħħtu tagħha ħabat max-xibka minn barra, biex ta l-illużjoni tal-goal.

It-tieni taqsima bdiet bil-Latvja fuq l-offensiva u fit-48 minuta,  resqu viċin iżda Zaivikova falliet il-mira minn poizzjoni ideali. 

Ir-reazzjoni tal-Maltin waslet fit-52 minuta meta pass fil-baxx ta’ Bugeja sab lil Sciberras, iżda x-xutt tagħha ġie kklerjat f’corner. Minuta wara Giusti ma nkwadratx il-lasta mill-cross ta’ Bugeja. 

L-aħjar ċans tal-Latvja wasal fis-57 minuta meta xutt b’saħħtu ta’ Secova ħabat mal-lasta u sussegwentement ġie kklerjat mid-difiża ta’ Malta. 

Fil-75 minuta, minn azzjoni ta’ corner, id-difiża Maltija kkerljat ħażin, b’Sevcoca tapprofitta iżda x-xutt tagħha ġie nnewtralizzat f’corner minn Xuereb 

Fit-82 minuta cross shot ta’ Ann Marie Said ġie mxellef f’corner mill-goalkeeper tal-Latvja … u mill-istess corner, id-difensuri tal-Latvjanaqsu li jikklerjaw il-ballun, b’Cuschieri tirbaħ il-ballun u tgħaddi lejn HALEY BUGEJA li b’xutt fil-baxx xeħtet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Latvja: L Vaivode; A. Flakse; P. Linina; V. Zaičikova; A. Poluhoviča (Lipsane 89); A. Ročāne; D. Suivitra (S. Voitāne 64); O. Ševcova; A. Gornela; K. Miksone; S Garanča

Malta: J. Xuereb; A. M. Said; E. Lipman; R. Cuschieri; M. Farrugia (S. Farrugia 85); R. Guisti (L. Ayres 58); S. Zammit (B. Borg 58); C. Zammit; E. Xuereb; N. Sciberras; H.Bugeja

Referee: Jana Van Laere (Belġju)

Ekonomija

Sport