Andorra………….0
Malta…..…………0
Malta temmet l-impenji tagħha fi Grupp C2 tal-UEFA Women’s Nations League bi draw ta’ 0-0 ma’ Andorra f’ Estadi de la FAF – il-grawnd nazzjonali ġdid ta’ Andorra – f’ Encamp.
Wara li bir-rebħa ta’ 1-0 fuq Ċipru nhar il-Ġimgħa, it-tim Malti kien aċċertat mir-rebħ tal-grupp, il-kowċ Manuela Tesse għażlet li tagħmel numru ta’ bidliet.
Stephania Farrugia irritornat mal-ewwel ħdax wara nuqqas ta’ diversi xhur wara li kienet weġġgħet waqt li bdew ukoll Fiona Buttigieg, Rebecca Bajada, Jana Barbara u Lexine Farrugia. Emma Lipman, Emma Xuereb, Maya Lucia u Shona Zammit kienu fuq il-bank filwaqt li Haley Bugeja kienet sospiża wara li qalgħet it-tieni karta safra.
Il-Maltin spiċċaw l-ewwel fil-klassifika ta’ Grupp C2 bi 13-il punt, segwiti minn Ċipru b’ għaxra, Ġeorġja sitta u Andorra ħamsa.
Wara bidu mill-aktar kwiet għaż-żewġ timijiet, il-Maltin resqu qrib li jiftħu l-iskor man-nofs siegħa logħob meta minn freekick fit-tul ta’ Rachel Cuschieri, Stephania Farrugia b’ daqqa ta’ ras b’ saħħitha mix-xellug rat il-ballun jgħaddi żbrixx minn mal-lasta
Tliet minuti wara, Cuschieri daħlet tajjeb fuq ix-xellug bil-konkluzjoni tagħha tiġi mxellfa minn difensur bil-goalkeeper Alba Martin ixxellef il-ballun b’ diffikulta. F’ kontrattakk veloċi għal Andorra, Maria Ruzafa għaddiet ballun tajjeb lejn Neus Rosas li kkonkludiet bit-takkuna imma Rebecca Bajada kklerjat il-periklu.
Mal-35 minuta, minn corner ta’ Maria Farrugia, il-ballun ġie mxellef u wasal għand Oceane Grange li b’ xutt mill-kaxxa laqtet il-minduda.
Tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Tere Morato kellha xutt mill-viċin imblukkat wara freekick ta’ Erica Goncalves waqt li minuta wara l-goalkeeper Alba Martin salvat tajjeb fuq konklużjoni ta’ Nicole Sciberras minn barra l-kaxxa. Fil-ħin miżjud, minn freekick mil-lemin ta’ Cuschieri, Stephania Farrugia bir-ras tefgħet ftit barra.
Fit-tieni taqsima, kellna nistennew sad-59 minuta biex naraw tentattiv denju lejn il-lasta hekk kif Lexine Farrugia ttantat xortiha bi freekick dirett li ġie mxellef mill-barriera u salvat minn Martin. Tliet minuti wara, l-Maltin ħelsuha ħafif meta Maria Ruzafa temmet azzjoni tajba b’ xutt sabiħ minn barra l-kaxxa li laqat il-lasta bil-goalkeeper Maya Cachia, li mal-bidu tat-tieni taqsima kienet daħlet flok Janice Xuereb, megħluba.
Għaxar minuti mit-tmiem, Kailey Willis tefgħet ftit għoli bir-ras wara cross ta’ Rachel Cuschieri waqt li l-goalkeeper ta’ Andorra Alba Martin salvat tentattivi ta’ Yulya Carella fis-87 minuta u Cuschieri żewġ minuti wara.
Andorra: 23-Alba Martin, 6-Tere Morato, 7-Ariana Correia (22-Emma Duro 65’), 8-Maria Da Cruz (9-Marina Muelas 90+1’), 10-Maria Ruzafa (5-Cristina Lacour 72’), 13-Erica Goncalves, 14-Laia Sole, 15-Paula Marques (2-Zoe Planaguma 725’), 18-Neus Rosas, 19-Carla Ber, 20-Laia Sin (11-Gemma Lluch 65’). Coach: Albert Panadero Garcia
Malta: 1-Janice Xuereb (12-Maya Cachia 46’), 5-Stephania Farrugia, 6-Oceane Grange, 7-Lexine Farrugia (11-Leah Alice Ayres 84’), 8-Rachel Cuschieri, 9-Kailey Willis, 10-Maria Farrugia, 15-Fiona Buttigieg (19-Yulya Carella 69’), 17-Jana Barbara (16-Charlene Zammit 69’), 20-Nicole Sciberras (14-Shona Zammit 46’), 22-Rebecca Bajada. Coach: Manuela Tesse
Referee: Satu Miettunen (FIN)
Ass. Referees: Laura Koskinen, Jenni Paavolainen (FIN)
Raba’ Uffiċjal: Minka Vekkeli (FIN)
Ammoniti: J. Barbara, K. Willis, M. Da Cruz