Monday, September 29, 2025

‘Uri dixxiplina, aħdem qatigħ, emmen fik innifsek, u qatt taqata’q albek milli tikseb il-ħolma tiegħek’ – Axl Xuereb

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira ħafna. Kont immur l-grawnd nilgħab ma’ missieri u kien jeħodni naraw il-logħob ukoll … ovvjament minn hemm bqajt ninteressa ruħi iktar fil-futbol!


Iddeskrivi l-esperjenzi preżenti tiegħek bħala kowċ tat-tim tal-U16 tan-nisa ta’ Birkirkara FC.

L-ewwel ħaġa ovvjament hija xi ħaġa sabiħa ħafna għalija li ninsab kowċ ta’ Birkirkara. Għandi skwadra kbira ħafna b’25 tifla ta’ livell tajjeb ħafna. S’issa nista’ ngħid li ninsab kuntent ħafna bil-plejers li għandi, kollha lesti biex jaħdmu, jagħmlu sagrifiċċji biex flimkien inkomplu nikbru għall-ġid tagħhom l-ewwel u qabel kollox u għall-ġid ta’ Birkirkara u l-futbol Malti. 

Int kont ukoll plejer ta’ suċċess. Agħtina iktar dettalji. 

Nista’ ngħid li kelli karriera qasira imma kkulurita ferm. Bdejt il-karriera mat-tim ta’ San Ġwann fejn imbagħad mort nilgħab mat-tim tas-Sliema. Lgħabt mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-15, 17 u 19-il sena, lgħabt fil-Malta Premier u kelli esperjenza żgħira barra minn Malta ukoll. Wara li sofrejt l-ewwel injury ta’ 20 sena mort nilgħab mat-tim tal-Melita, fejn nista’ ngħid sibt familja u qattajt kważi l-isbaħ ħames snin tal-karriera tiegħi.

Ovvjament, l-injuries komplew għax sal-etá ta’ 24 sena sofrejt tliet darbite l-ACL u problemi fi spallti wkoll. Għalaqt il-karriera bħala plejer ta’ 25 sena fejn mort nilgħab mat-tim ta’ Rabat Ajax FC fejn irbaħna l-play-off għall-Ewwel Diviżjoni. Minħabba uġigħ li nsofri kuljum kelli nwaqqaf l- karriera tiegħi bħala plejer. 


X’differenza hemm bejn li tkun plejer u kowċ?

Hemm differenza kbira. Bħala kowċ, trid taħseb u tikber iktar. Trid tipprepara kollox, dejjem tipprova titgħallem biex tipprovdi l-aħjar li tista’ għal dawn il-plejers li huma l-futur tal-futbol Malti. 

Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar tan-nisa ta’ Birkirkara FC qed jutilizza bosta prodotti tan-Nursery. X’inhu s-sigreiet wara dan is-suċċess?

Dan grazzi għax-xogħol tajjeb li jagħmlu ħafna kowċis f’kull etá fin-Nursery tagħna. 

Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb li l-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna jitkellem waħdu bħalissa. Qed niksbu success f’kull etá fin-nazzjonal u numru sabiħ ta’ plejers qed jilagħbu barra l-pajjiż ukoll. Apparti minn hekk, kif nistgħu naraw fil-kampjonati ta’ taħt is-16 u d-19-il sena, hawn numru sabiħ ukoll ta’ tfajliet żgħar b’livell għoli telgħin ukoll. 

U dak tar riżorsi fejn il-plejers jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?

Bħala riżorsi tat-taħriġ, in-Nursery ta’ Birkirkara dejjem tatna ħinijiet, ġranet u grawnds addattati għalina lkoll. Aħna tim wieħed bħala Birkirkara u dejjem imxejna id f’id għall-ġid tal-plejers u tal-klabb. Fil-kompetizzjoni ta’ taħt is-16-il sena forsi l-kampjonat jista’ jintlagħab fi grawnds akbar. 

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Nistgħu ngħidu li l-mentalitá f’pajjiżna qed tinbidel għall-aħjar bla dubju, kemm fil- livell tal-irġiel kif ukoll f’tan-nisa qed naraw riżultati tajbin ħafna f’kull etá.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Irrid nitgħallem iktar għax dak hu s-sabiħ tal-futbol li dejjem se jgħallmek affarijiet ġodda u bla dubju li nimxi pass pass. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Uri dixxiplina, aħdem qatigħ, emmen fik innifsek, u qatt taqata’q albek milli tikseb il-ħolma tiegħek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport