Sunday, December 22, 2024

US Open: Il-holder Emma Raducanu eliminata

Aqra wkoll

Id-difiża tat-titlu tal-US Open tal-Britannika, Emma Raducanu, ġiet fi tmiemha mal-ewwel ostaklu hekk kif sfat eliminata minn Alize Corent ta’ Franza 6-3, 6-3.

Raducanu, 19-il sena, kienet issorprendiet lid-dinja meta rebħet dan il-Grand Slam bħala waħda mill-aktar tennista żagħżugħa li qatt għamlet dan … iżda r-ritorn tagħha fi Flushing Meadows intemm f’diżappunt kbir.

Raducanu, li bħalissa hija rrankjata fil-11-il post, se titlef postha u se tinżel fir-rankings wara li tilfet il-punti li kisbet bit-titlu s-sena l-oħra.

Min-naħa l-oħra, is-seed numru 4, Stefanos Tsitsipas, ġie megħlub minn Daniel Galan fl-ewwel round tal-US Open, hekk kif Daniil Medvedev għamel bidu rebbieħ għad-difiża tat-titlu tiegħu.

Tsitispas kien wieħed minn ħames players li setgħu temmew il-Grand Slam finali tas-sena bħala l-aqwa player tal-irġiel fl-ogħla li­vell.

Iżda l-Grieg ta’ 24 sena ma seta’ jirbaħ l-ebda waħda mill-ewwel 11-il games hekk kif tilef f’erba’ sets man-numru 94 fid-dinja, il-Kolumbjan Galan, li rebaħ bid-disa’ match point.

Ir-Russu numru wieħed fid-dinja, Medvedev, għeleb lill-Amerikan Stefan Kozlov, 6-2 6-4 6-0, wara li sena ilu rebaħ l-ewwel titlu tiegħu tal-Grand Slam fi New York meta għeleb lil Novak Djokovic, li din is-sena ma tħalliex jivvjaġġa lejn l-Istati Uniti minħabba li mhuwiex imlaqqam kontra Covid-19.

Għalkemm Tsitsipas rebaħ it-tielet set biex żamm it-tamiet tiegħu ħajjin, Galan seta’ jirkupra minn waq­fa fir-raba’ set u rebaħ erbgħa mill-aħħar ħames logħbiet biex issiġilla rebħa memorabbli, 6-0 6-1 3-6 7.

F’logħbiet oħra l-Brittaniku, Andy Murray, għeleb lis-seed 24, l-Arġentin Francisco Cerundolo 7-5 6-3 6-3.

Fost is-seeds li ġew eliminati kien hemm dak numru 10, Taylor Fritz, li tilef kontra l-kompatrijott Amerikan, Brandon Holt, li huwa t-tifel taċ-champion darbtejn tal-US Open, Tracy Austin, 6-7 (3-7) 7-6 (7-1) 6-3 6-4. Ieħor kien l-Ispanjol seed numru 16, Roberto Bautista Agut, li tilef kontra l-Amerikan, JJ Wolf, 6-4 6-4 6-4.

Intant, il-finalista Taljan ta’ Wimbledon tal-2021 Matteo Berrettini, kellu rebħa komda ta’ 6-2 6-3 6-3 fuq iċ-Ċilen, Nicolas Jarry, filwaqt li s-sitt seed, il-Kanadiż, Felix Auger-Aliassime, għeleb lill-Isvizzeru Alexander Ritschard 6-3 6-4 3-6 6-3.

Ir-runner-up ta’ Wimbledon ta’ din is-sena Nick Kyrgios avvanza wkoll, meta għeleb lil sieħbu Awstraljan – u sieħbu u l-aqwa ħabib tad-doubles – Thanasi Kokkinakis, 6-3 6-4 7-6 (7-4).

Ir-rebbieħ Awstrijak tal-2020 Dominic Thiem tilef 7-5 6-1 5-7 6-3 kontra l-Ispanjol Pablo Carreno Busta hekk kif għadu jfittex l-aħjar forma tiegħu wara sensiela twila b’injury fil-polz.

Stan Wawrinka, ir-rebbieħ fl-2016, irtira mweġġa’ wara li tilef iż-żewġ sets tal-ftuħ, 6-4 7-6 (9-7), kontra Corentin Moutet ta’ Franza.

Wu Yibing sar l-ewwel player Ċiniż li rebaħ partita tas-singles fi Grand Slam fi 63 sena – minn Fu Chi Mei f’Wimbledon fl-1959 – bir-reb­ħa tiegħu 6-3 6-4 6-0 fuq in-numru 35 tad-dinja, Nikoloz Basilashvili ta’ Georgia.

Wu, klassifikat fil-174 post u li għadda mill-kwalifikazzjoni, huwa wkoll l-ewwel Ċiniż li rebaħ logħba tas-singles tal-US Open minn Guy Cheng fl-1935.

L-Olandiż Tim van Rijthoven salva seba’ match points fit-tielet set kontra ċ-Ċiniż Zhang Zhizhen qabel issiġġilla rebħa improbabbli ta’ rimonta, fejn rebaħ 3-6 6-7 (4-7) 7-6 (11-9) 6-1 6- 4.

Sebastian Korda, iben l-eks numru 2 tad-dinja Petr Korda u ħu l-istilel tal-golf, Jessica u Nelly, għeleb lill-Arġentin li kkwalifika, Facundo Bagnis 5-7 7-6 (7-3) 7-5 6-1.

Fil-kategorija femminili l-veterana Serena Williams, li fl-etá ta’ 40 sena qed tieħu sehem fl-aħħar Grand Slam tagħha, għaddiet għat-tieni round b’rebħa 6-3 6-3 fuq Danka Kovinic ta’ Montenegro quddiem folla rekord ta’ 29,402 spettatur.

L-Ukrena li kkwalifikat, Daria Snigur, iddedikat ir-rebħa sorpriża fuq is-seed numru 7, Simona Halep tar-Rumanija, lill-poplu ta’ pajjiżha li jinsab mifni fi gwerra.

Id-debutt tagħha fil-Grand Slam raha tirbaħ 6-2 0-6 6-4 fi New York biex irrekordjat l-ikbar rebħa tal- karriera tagħha.

Ekonomija

Sport