Ir-ritorn tal-aħwa Serena u Venus Williams fid-Doubles intemm ħesrem hekk kif sfaw eliminati mill-koppja Ċeka, Lucie Hradecka u Linda Noskova 7-6 (7-5) 6-4.
Għal dawn iż-żewġ tennisti leġġendarji Amerikani, li rebħu 14-il titlu tad-Doubles, kienet l-aħħar darba li lagħbu flimkien.
Serena Williams ta’ 40 sena mistennija tirtira wara t-tournament, filwaqt li l-pjani futuri ta’ oħtha l-kbira Venus, ta’ 42 sena, għadhom mhux magħrufa.
Serena se tilgħab kontra Ajla Tomljanovic tal-Awstralja fit-tielet round tas-singles tan-nisa nhar il-Ġimgħa, iżda Venus ġiet eliminata fl-ewwel round.
L-aħwa Williams jibqgħu l-aktar team tan-nisa li rebaħ l-erba’ titli ewlenin tad-doubles b’rebħiet f’Wimbledon u fl-Open tal-Istati Uniti fl-2009, segwiti minn trijonfi fl-Open tal-Awstralja u l-Open ta’ Franza fl-2010.
L-aħħar titli tad-Doubles tal-Grand Slam tagħhom flimkien waslu f’Wimbledon fl-2016, aktar minn 17-il sena wara l-ewwel darba tagħhom f’Roland Garros fl-1999, filwaqt li rebħu wkoll tliet midalji tad-deheb tad-Doubles fil-Logħob Olimpiku.
Flimkien huma rebħu 30 titlu tal-Grand Slam tas-singles, li 23 minnhom jappartjenu lil Serena.