Saturday, December 21, 2024

Użanzi ġodda fl-festi… iddaħħlu “l-foam parties”… mużika sfrenata minn bars u DJ’s

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta nanalizzaw x’qed jiġri fil-festi tagħna, ma nistgħux ma narawx il-kontradizzjonijiet. Kontradizzjonijiet li qegħdin isiru bi drawwiet li ddaħħlu fl-aħħar snin u baqgħu jikbru li llum donnhom ma jistax jinstab kontroll għalihom.

Għandek il-fenomenu tal-mużika tad-disco. Mużika li hi kunfliġġenti għal kollox mal-mużika tradizzjonali tal-festa – il-ħoss tal-banda. Jista’ xi ħadd jgħidilna x’ġost fiha li għandek banda qed iddoqq u għandek ħanut għaddej bid-diski. Dawn huma ġeneri ta’ mużika li ma jistgħu jindaqqu fl-istess ħin. Hi mużika kunfliġġenti għax tismagħhom it-tnejn imma ma tifhem xejn.

Agħar minn hekk, għandna sitwazzjonijiet fejn huma barmen f’każini tal-banda stess li qegħdin jagħmlu dan. L-iskuża li tinġab hi li bil-mużika tad-disco iġġib aktar nies u dawn jixorbu aktar u allura t-turnover hu qawwi. Jingħad x’jingħad hemm kunflitt.

L-istess kunflitt issibu fil-bars privati fit-toroq. U l-mistoqsija li tqum hi waħda ċara – min qed jagħti l-permessi lil dawn il-bars – li huma l-Pulizija, qegħdin jaraw x’mużika se jdoqqu. Forsi wieħed jista’ jgħid li dan mhux xogħol il-Pulizija. Dan hu minnu, imma lanqas nistgħu nħallu sitwazzjoni fejn bar jinħariġlu permess u jdoqq li jrid. Xi ħadd x’imkien irid jara dak il-bar x’se jkun qed idoqq. U għandu jdoqq mużika li hi kumplimentari mal-festa u mhux il-kontra. Kemm ikollna nies jilmentaw li marru jisimgħu banda imma ma setgħux jagħmlu dan minħaba mużika oħra b’volum għoli. U kollox jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn. L-aqwa li l-festi ġibnihom wirt dinji tal-umanità. Imma dan x’jiswa jekk se nħallu l-festi tagħna jiddiġeneraw?

U issa ukoll dieħla drawwa oħra. Assoċċjata mal-parties li jsiru. Din hi dik tal-foam parties. Bil-mod il-mod qegħdin naraw aktar festi idaħħlu din id-drawwa fil-programm tal-festa. Ma tistax ma tistaqsix imma l-foam party x’għandu x’jaqsam mal-festa? Għaliex il-foam parties qed isiru parti mill-programm? Min jaf forsi ma ndumux ma naraw foam parties għaż-żgħażagħ fil-festi ukoll!

Id-DJ’s fil-festi…x’għandhom x’jaqsmu?

Matul dan is-sajf fil-festi li saru sa issa u dan se jkun qed iseħħ ukoll fil-festi li ġejjin, hu s-sehem tad-DJ’s fil-festi kemm fil-każini waqt li jkun għaddej xi marċ jew wara l-marċ. Issa l-mod li daħlet sew hi li wara li jintemmu l-marċi tibda serata b’DJ ġol-każin. Ovvjament il-mistoqsija hi ċara ħafna. Lil hinn minn lira ta’ malajr għal barman tal-każin, kemm dawn l-attivitajiet huma kompatibbli mal-festa? Fuq kollox kemm jagħmel sens li nibqgħu nestendu l-ħinijiet tal-festa u ntawwlu u dan bir-riskji kollha li jġib miegħu?”.

Speakers fil-qalba tat-toroq tal-festa… banda imtella’ u bandisti b’diffikulta biex idoqqu

IT-TORĊA tkellmet ma’ diversi attivisti u dilettanti tal-festi. Dak li qed isir dwar mużika mill-bars u mużika minn DJ’s qiegħda ddejjaq lil ħafna. “Jien indur il-festi. Kull weekend inmur x’imkien. Spiċċajna bi speakers fit-toroq, fil-qalba tar-raħal. Mużika qawwija li m’għandha x’taqsam xejn mal-festa Maltija. Mużika li lanqas tħallik titkellem. Jekk ikun hemm il-banda, ħa tara l-kunflitt ma’ din it-tip ta’ mużika. Anki l-bandisti stess jilmentawlek, li jsibu diffikulta biex idoqqu”.

Bandist li kkummenta magħna qalilna li “sirna spiss niltaqgħu ma’ okkazjonijiet fejn f’xi waqtiet tal-marċ, b’mod partikolari meta jasal lejn l-aħħar jew qrib ċertu bars u ħwienet, insibu diffikulta biex indoqqu minħabba id-daqq ta’ mużika b’volum għoli minn bars. Ġbidna l-attenzjoni kemm il-darba. Kollu għal xejn imma.”

Sar kollox aċċettabbli dak li m’għandux x’jaqsam mal-festa

Attivist li kkummenta ma’ IT-TORĊA qalilna li “l-problemi issa daħlu l-ġewwa. Il-konsum tax-xorb u affarijiet oħra daħlu l-ġewwa. Jiddispjaċini ngħid li għandna festi saru burdell u oħrajn resqin biex isiru burdell. Kemm fraħna li rikonoxxuti mill-UNESCO u kienet xi ħaġa tajba din. Ma rridux imma li l-festi jibqgħu sejrin kif inhuma.

L-aqwa li jkun hemm folol kbar ta’ nies. L-aqwa l-konsum u l-infieq. Festa jekk kinitx suċċess hekk sirna inkejluha fuq kemm kien hemm nies, kemm intefqu flus u kemm inxtorob alkohol. U spiċċajna f’din is-sitwazzjoni għax sar kollox aċċettabbli dak li m’għandux x’jaqsam mal-festa. Speakers barra, toroq meħudha minn imwejjed u affarijiet oħra. Mort festi aktar stħajjiltni qiegħed f’suq milli f’festa”.

Il-festi saru qishom swieq….fejn hu l-ikel Malti?

Jitkellem ma’ IT-TORĊA uffiċjal ta’ każin ta’ banda u jgħidilna li “meta nitkellmu fuq il-festi u kif qed jiddeġeneraw ma nistgħux inħallu barra lanqas lil bejjiegħa. Il-festa Malti hi l-festa li nagħmlu l-Maltin. Tevolvi kemm trid u hekk għandu jkun.

Allaħares ma jkunx hekk. Biss, ejja nammettu li fejn jarmaw l-bejjiegħa, saru qishom swieq. Imwejjed u gabbani ħdejn xulxin. Nistieden lil dawk dilettanti tal-festi jagħti ftit kas u jaraw jekk jarawx ikel tipikament Malti. Tara kull tip ta’ ikel, anke Ċiniż imma ikel Malti ma tara imkien. Jekk titkellem ma’ tal-gabbani se jgħidulek li dan l-ikel jimxi.” Jgħidilna li “spiċċajna l-ikel Malti qed jitwarrab mill-istess festi Maltin. Ara tarax tal-pastizzi jew tal-ħobż biż-żejt li hu ikel Malti. Fil-passat dawn kont issibhom, illum sparixxew għax il-junk food jimxi aktar”.

F’ħafna festi tisma’ l-istess marċ… diski bi kliem bla sens… baned lixxi
L-istess uffiċjal jgħidilna li “hemm sitwazzjonijiet li ddaħħlu ukoll bil-barka tal-kumitat. Forsi xi drabi lanqas aħna stess ma nindunawx xi jkun qed jiġri u dan forsi għax inkunu maħkumin mill-ewforija tal-festa.

Jekk ikollna nagħmlu analiżi serja tas-sitwazzjoni tal-baned tagħna, u din ġibniha aħna stess b’idejna, x’insibu? Mur dur il-festi u ara tismax dejjem jindaqqsu l-istess erba’ ħames marċi. Tista’ tgħid li hawn tnejn jew tlett marċi issibhom jindaqqu kważi f’kull festa. Ma’ dawn imbagħad kienet iddaħħlet tal-kant mal-marċi. Bħala prinċipju m’iniex kontrija anzi xi ħaġa sabiħa.

Jien kburi ukoll li nużaw il-lingwa tagħna biex inkantaw mal-mużika. Li ma naqbilx li m’hemmx għalfejn noffendu jew nużaw kliem baxx. Ħalli tgħaddi botti mela le. Ħalli tiftaħar b’xi ħaġa li għamilt u tniġġeż ftit lil tan-naħa l-oħra, għax dan parti mill-karattru tagħna l-Maltin. Imma li toffendi u tuża kliem baxx le. Id-dilemma li għandi hi waħda, għaliex fejn isir ma jkun hemm ebda intervent mill-kumitati? Għaliex iħallu dawn l-affarijiet għaddejjin?”

Jenfasizza li “u l-baned tagħna matul iż-żmien anke l-identità tagħhom qiegħda tintilef. Baned immexxija minn dawk li jien insejħilhom qishom kuntratturi b’bandisti mibgħutin ‘lhawn u ‘lhemm skont il-bżonn. Kelli sitwazzjoni jien fejn bandisti kien ġej idoqq għal servizz miegħi imma mbagħad il-kuntrattur jibagħtu x’imkien ieħor għax f’dak is-servizz ikun hemm nuqqas ta’ bandisti. Din kienet kwistjoni li anke fl-Għaqda Każini tal-Baned kienet diskussa imma bqajna ma’ wasalna imkien. Il-lealtà anke tal-bandisti barrani lejn soċjetà sfortunatament qiegħda tinbidel għal flus.”

Jisħaq li “u ejja insemmu ukoll problema oħra. Għandna sitwazzjoni f’xi baned tagħna fejn ċerti strumenti qegħdin jgħibu u dan biex il-banda tkun miżgħuda bl-istess tip ta’ strumenti, ħalli l-ħoss ikun b’saħħtu. Prattikament għandna baned lixxi, b’ħoss qawwi li xi drabi anke iweġgħalek widnejk.

Ftit huma dawk il-baned li baqgħu jżommu mal-aspett tradizzjonali f’dawk li huma strumenti fil-marċijiet. L-importanti llum sar kemm għandek bandisti u kemm għandek ħoss qawwi. Il-baned saru ukoll flus biss. Il-mistoqsija li nagħmel hi x’qed jiġri mill-volontarjat fil-baned u meta qed ngħid volontarjat hu fejn tidħol it-tmexxija tal-banda u l-organizazzjoni.”

Festi ta’ burdell

Ray Saliba kkummenta li, “festi tal-burdell qegħdin nagħmlu. Mużika tal-parties u tad-disco ħierġa minn ħafna speakers kbar matul it-triq prinċipali. Tal-mistħija! L-ironija hija li l-kumitati tal-għaqdiet mużikali huma kompliċi, fejn mhux biss ma jarawx mal-awtoritajiet li dan ma jiġrix, talli qegħdin jagħmlu l-istess fil-każini tagħhom qabel, waqt u wara l-marċi!”.

Min-naħa tiegħu Saliba qal li, “dawn ilhom isiru u mhux issa. Il-knisja taf li jsiru u qatt ma ħadet passi biex jitwaqqfu. Kulħadd iġib l-iskuża tal-festa u jġibu l-permessi għall-parties, id-diskoteki u mitt ħaġa oħra. Hawn irħula u bliet li jibdew jorganizzaw parties, disco u affarijiet oħra minn xahar qabel il-festa. L-iskop tal-festa li fiha, suppost nagħtu ġieħ lil qaddis jew qaddisa, m’għadux hemm. Meta l-marċ ikun fl-aqwa tiegħu, speċjament quddiem il-każin avversarju, ħlief marċi tat-tgħajjir ma jindaqqux. Tfal minn ċkunithom qegħdin jiġu mgħallma kif jgħajru u jinsulentaw lill-każin oppost. Hemm minn dawk li jkunu fil-marċi, li jattendu għall-funzjonijiet tal-festa ġewwa l-Knisja. Kif tista’ l-ġenerazzjoni ta’ għada tkun aħjar minn tal-lum? Illum qegħdin fis-seklu 21 u għadna ma nafux nieħdu pjaċir mingħajr ma ngħajjru u ninsulentaw”.

“Il-Pulizija għandha l-qawwa twaqqaf lil tal-ħanut”
Fost il-ħafna kummenti hemm dak wkoll mis-surmast William Debattista. Dan qal li, “sa fejn naf jien, biex isir marċ isir permess biex jingħalqu ċertu toroq u ma jsirx parkeġġ ta’ karrozzi minn ċertu ħin qabel biex il-marċ isir kif ippjanat. Bl-istess argument, jekk l-istorbju qiegħed itellef lill-banda, il-Pulizija għandha l-qawwa li twaqqaf lil tal-ħanut sakemm il-banda tkun tista’ ddoqq. Issa min-naħa l-oħra kieku tiġri fejn ikun hemm banda li nkun hemm jien, nieħu ħsieb li nimxi bla daqq minn quddiem dak il-ħanut ħalli naraw igergirx u nibda ndoqq aktar lil hemm minnu.”

Nuqqas ta’ ftehim ta’ qabel il-festa

Omar Xuereb, li huwa parti mill-Għaqda Każini tal-Banda kkumenta li, “dan kollu huwa nuqqas ta’ ftehim ta’ qabel il-festa. Ċert li kumitati rispettivi ltaqgħu kemm il-darba imma, bħas-soltu, isir bejn minn qiegħed jorganizza l-festa u mhux ma’ minn għandu n-neqozju biex dawn l-affarijiet ma jsirux. Ħasra!”

Persuna oħra, din id-darba Marvin Azzopardi, iddiżappuntat minn din is-sitwazzjoni qal li, “jiddispjaċini li l-vera protagonisti tal-festa jiġifieri, il-knisja u il-baned qegħdin jinħanqu minn dan ix-xewk ta’ opportuniżmu mużikali sfrenat f’forma ta’ disko fl-apert”.

Joseph Mclean kiteb li hawn min għandu ftehim ma l-awtoritajiet konċernati li waqt li tkun għaddejja l-purċissjoni jew marċ, ma jistgħux idoqqu mużika tal-ħwienet. Min-naħa tiegħu, huwa jemmen li dan it-tip ta’ ftehim għandu jibda jiġi segwit għall-festi kollha.

“Tlifna kollox imma… għadna fiċ-ċans’

Omar Coleiro temm billi wissa li, “verament, il-festi m’għadhomx festi. Tort ta min? Naħseb it-tweġiba ħafna jafuha. Tlifna kollox. Għadna fiċ-ċans. Ifhem jien naf li ż-żmien ibiddel imma almenu, għamlu l-affarijiet wara li jispiċċa l-marc tradizzjonali mhux waqt jew f’nofs il-marċ.”

Ekonomija

Sport