Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ippresedew l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Aġenzija Aquatic Resources Malta.
Dan il-ftehim jinkludi t-trasferiment ta’ proprjetà li bħalissa taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, fejn se jibda l-proċess li għandu jwassal għall-bini tal-ewwel ċentru għar-riċerka fl-akwakultura u s-sajd. Dan it-trasferiment se jkompli jsaħħaħ ir-riċerka fuq livelli internazzjonali permezz ta’ ċentru ġdid bl-aqwa għodda, ħiliet u riżorsi li dawn is-setturi jeħtieġu.
Bħala parti minn dan il-ftehim ukoll, il-Forti ta’ San Luċjan f’Marsaxlokk issa se jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-aġenzija Aquatic Resources Malta u se jkompli jaqdi l-istess funzjonijiet li diġà għandu relatati mar-riċerka dwar l-akwakultura u s-sajd.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif dan it-trasferiment se jservi għal skop importanti f’oqsma li pajjiżna qed jinvesti fihom u li mhux biss isaħħu l-livell tar-riċerka f’pajjiżna, iżda permezz ta’ dan it-tip ta’ investiment jinħolqu impjiegi ġodda u ta’ kwalità. Il-Ministru Bonnici sostna li l-Gvern kommess li l-art u l-proprjetà pubblika tkompli tintuża bl-aqwa mod possibbli biex isservi ta’ fejda kemm għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin, kif ukoll għat-tisħiħ tal-ekonomija fis-setturi kollha tagħha u l-ħolqien ta’ aktar ġid għal kulħadd.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet, “Huwa importanti li nkomplu ninvestu fir-riċerka favur l-akwakultura u s-sajd. Proġetti bħal dawn juru l-impenn tal-Gvern biex insaħħu s-setturi marittimi b’mod sostenibbli u innovattiv. L-użu aħjar ta’ proprjetà pubblika biex jinħoloq l-ewwel ċentru ta’ riċerka fl-akwakultura u s-sajd huwa pass importanti li se jirrifletti tkabbir ekonomiku, ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u investiment fit-talent lokali. Dan il-proġett mhux biss isaħħaħ ir-riċerka u l-iżvilupp, iżda jsaħħaħ ukoll il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru ewlieni fil-Mediterran f’dan il-qasam.”
L-Aġenzija Aquatic Resources Malta, immexxija mill-Kap Eżekuttiv Dr Frank Fabri, bdiet topera fl-2024 u bħala entità, twettaq bosta proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni li jagħtu spinta lis-setturi lokali tas-sajd u l-akwakultura. Wara li din l-aġenzija wettqet u se tibqa’ twettaq għadd ta’ rinnovazzjonijiet u riċerka fil-faċilitajiet tal-Forti ta’ San Luċjan, issa se tkun qed tmexxi wkoll il-proċess li eventwalment għandu jwassal għall-ewwel ċentru ġdid ta’ riċerka fis-sajd u l-akwakultura fuq standards tal-għola livell li jallinjaw ukoll mal-Viżjoni Malta 2050.