Tuesday, December 24, 2024

Valletta jiksbu t-tieni rebħa konsekuttiva u jtemmu s-sena fuq nota pożittiva

Aqra wkoll

Hibernians…………..0

Valletta………………..4

Wara r-rebħa ta’ 2-1 kontra Marsaxlokk, Valletta, kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu l-isfida taċ-champions Hibernians bl-iskor kbir ta’ 4-0, biex b’hekk temmew is-sena kalendarja 2022 fuq nota pożittiva u kisbu s-sitt rebħa tagħhom matul dan l-istaġun.

Hibernians kellom lill-player Għawdxi, Ferdinando Apap, sospiż, liema player inħass ferm fil-qalba tad-difiża Pawlista, waqt li nieqes għall-Beltin, kien il-player Eslit Sala.

Kienu Valletta li ħolqu l-ewwel periklu fil-11-il minuta meta Enmy Manuel Pena Beltre ttanta xortih permezz ta’ xutt kazi minn tarf il-kaxa li iżda sab lill-goalkeeper ta’ Hibernians Justin Haber, li f’din il-partita kien qed jieħu post il-goalkeeper titolari Ibrahim Kone, li dawwar tajjeb f’corner. 

Huma komplew fuq l-offensiva u tliet minuti biss wara freekick ta’ Brandon Paiber  ġie salvat minn mal-art f’żewġ tentattivi minn Haber.

Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Beltin u fit-23 minuta, iż-żagħżugħ Andrea Zammit kellu xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa li ntemm barra.

Fit-28 minuta, Kilian Bevis, dejjem għal Valletta għadda tajjeb lejn Flavio Silva Cheveresan li ssikkat minn Rodolfo Soares, minn taħt il-lasta, tefa’ għoli.

Hibernians wieġbu għall-ewwel darba fl-44 minuta meta l-iskorer prolifiku internazzjonali Jurgen Degabriele approfitta minn diżattenzjoni mid-difiża Beltija ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper Taljan ta’ Valletta, Alessandro Guarnone, iżda ra lil dan tal-aħħar idawwar f’corner bi bravura.

U jidher li t-team talk tal-coach Belti Thane Micallef fil-mistrieħ ħalliet l-effett mixtieq hekk kif fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Valletta, ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fid-49 minuta, fetħu l-iskor. Dan meta l-goalkeeper Guarnone għadda tajjeb lejn Shaun Dimech li serva fuq platt tal-fidda lil FLAVIO SILVA CHEVERESAN li min-naħa tiegħu dar ma’ Justin Haber u tefa’ l-ballun f’lasta vojta.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-62 minuta f’azzjoni kważi foto-kopja tal-ewwel goal, Enzo Ruiz għadda tajjeb lejn Brandon Paiber li serva lil ANDREA ZAMMIT, li wiċċ imb’wiċċ ma’ Justin Haber tefa’ ġewwa biex b’hekk wara li kien skorja minn penalty kontra Marsaxlokk fil-partita preċedenti, irnexxielu jsib ix-xibka għat-tieni partita konsekuttiva, b’dan ikun it-tielet goal tiegħu matul dan l-istaġun.

Tliet minuti biss wara, freekick tal-ispeċjalista Brandon Paiber dejjem għall-Beltin,  ġie salvat tajjeb minn Haber.

Valletta skorjaw it-tielet goal fit-82 minuta meta JEAN MARIE ULRICH NNOMO NGONG, approfitta minn indeċiżjoni oħra fid-difiża tal-Pawlisti, u permezz ta’ xutt angulat fil-baxx minn ġol-kaxxa tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, b’dan ikun it-tielet goal staġjonali għalih.

Huma ssiġillaw ir-rebħa permezz tar-raba’ goal fit-92 minuta, meta KILIAN BEVIS, qata’ kompletament bil-ġirja lid-difensur internazzjonali Malti, Kurt Shaw, dar ma’ Justin Haber u tefa’ l-ballun f’lasta vojta.

Hibernians: 16-Justin Haber, 4-Kurt Shaw, 6-Gonzalo Llerana Bravo, 7-Thaylor Aldama, 8-Jake Grech, 9-Jairo Monilas Rivero (17-Gabriel Mensah 84), 10-Jurgen Degabriele, 11-Bjorn Kristensen (12-Dunstan Vella 74), 19-Joseph Zerafa (13-Zachary Grech 66), 42-Ali Diakite, 88-Rodolfo Soares (23-Yunusa Owolabi Muritala 66) Coach: Andrea Pisanu

Valletta: 26-Alessandro Guarnone, 3-Enzo Ruiz, 4-Jean Borg, 9-Andrea Zammit (30-Llywelyn Cremona 81), 10-Shaun Dimech (16-Peter Ohaka 90), 18-Enmy Manuel Pena Beltre, 22-Brandon Paiber, 28-Jean Marie Ulrich Nnomo Ngong, 80-Joseph Willy, 88-Flavio Silva Cheveresan, 93-Kilian Bevis Coach: Thane Micallef

Referee: Glen Tonna

Ass. Referees: Duncan Sultana, Shaun Calleja

Raba’ Uffiċjal: Darryl Agius

Skorers: F. Silva Cheveresan 49, A. Zammit 62, J. M. Ulrich Nnomo Ngong 82, K. Bevis 92 (V)

Ammoniti: E. M. Pena Beltre, A. Zammit, A. Guarnone (V), J. Grech, B. Kristensen, Y. O. Muritala, Z. Grech, A. Diakite (H)

Player tal-Logħba: Andrea Zammit (V)

Ekonomija

Sport