Sunday, December 22, 2024

Valletta jirritornaw għar-rebħ

Aqra wkoll

Valletta ……….1

Sliema W. …….0

Wara sensiela ta’ riżultati diżappuntanti, Valletta rritornaw għar-rebħ meta għelbu lit-team tal-qiegħ Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 1-0.

Kienet rebħa li terġa’ tagħti ftit tama lit-team immexxi minn Danilo Doncic li jikseb post mal-ewwel sitta fi tmiem l-ewwel fażi hekk kif issa resqu tliet punti bogħod minn Gżira United u Sirens li madankollu jridu jirkupraw partita.

Min-naħa l-oħra, Sliema Wanderers baqgħu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika hekk kif sofrew it-13-il telfa tal-istaġun.

Mit-telfa kontra Mosta, huma kellhom xejn anqas minn sitt bidliet filwaqt li għal Valletta, daħlu Triston Ca­rua­na u Caio Prado minflok Luis Murillo u Andrea Zammit.

Wara biss  ħames minuti lo­għob, minn cross ta’ Kevin Tuli­mieri mil-lemin, daqqa ta’ ras ta’ Jean Borg ġiet salvata minn David Cassar. Għaxar minuti wara, l-istess Borg għadda lejn Ivan Curjuric li kellu konklużjoni minn barra l-kaxxa li għaddiet ftit għoli.

Mat-23 minuta, Gui Inters ittanta xortih b’xutt minn barra l-kaxxa li ġiet salvata bla ebda diffikultá minn Guarnone u sitt minuti wara, free-kick ta’ Morales għadda jħakkek mal-wieqfa.

Fil-ħin miżjud, Caruana falla bi ftit bir-ras wara corner ta’ Curjuric mil-lemin.

Tmien minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Valletta fetħu l-iskor meta Kevin Tulimieri bidel il-ballun ma’ Mario Fontanella u mill-cross tiegħu mil-lemin, CAIO PRADO kkontrolla tajjeb qabel qabbeż il-ballun minn fuq David Cassar.

Il-goal mela bil-kuraġġ lill-Beltin u fis-66 minuta, Ivan Curjuric kien għoddu rdoppja b’xutt qawwi minn barra l-kaxxa li falla l-mira  bi ftit.

Min-naħa l-oħra, ir-reaz­zjoni ta’ Sliema ma waslitx hekk kif bdew isibuha diffiċli biex jippenetraw lid-difiża ta’ Valletta.

Bil-ħin għaddej, il-Beltin dehru komdi jamministraw il-vantaġġ li kellhom filwaqt li l-Wanderers dehru mingħajr ideat.

Din it-telfa kienet daqqa ta’ ħarta oħra għas-Slimiżi li issa tidher missjoni impossibbli li jsalvaw mill-għarqa għalkemm fil-football kollox jista’ jseħħ.

Peró kif inhu l-andament tal-kampjonat, irid ikun “miraklu” biex huma jżommu posthom mal-kbar.

VALLETTA: 26-Alessandro Guarnone, 4-Jean Borg, 5-Ryan Camilleri, 6-Triston Caruana (24-Rowen Muscat 82), 14-Christian Gauci, 18-Enmy Pena Beltre, 20-Ivan Curjuric (9-Haris Dilaver 82), 66-Eslit Sala, 77-Caio Prado (17-Andrea Zammit 93), 89-Mario Fontanella (11-Michele Sansone 93), 92-Kevin Tulimieri (97-Lucas Campos 69)  – Coach: Danilo Doncic

SLIEMA W.: 24-David Cassar, 3-Juan Pablo Morales Rengifo, 4-Raffaele Schiavi (11-Ruslan Kisil 46), 7-John Mintoff (19-Jake Engerer 86), 8-Mark Scerri (9-Omar Elouni 72), 10-Gui Inters, 18-Edmond Agius (23-Matteo Piciollo 63), 29-Oscar Linton Bethancourt, 30-Jean Paul Farrugia (99-Valmir Berisha 46), 61-Myles Beerman, 91-Martin Davis  – Coach: Noel Turner

REFEREE: Trustin Farrugia Cann

ASS. REFEREES: Luke Portelli, Duncan Spencer

RABA’ UFF: Ishmael Barbara

SKORER: C. Prado 53 (V)

AMMONITI: A. Guarnone, M. Fontanella, E. Sala, H. Dilaver (V); J. Farrugia, J. Morales, M. Scerri (SW)

Ekonomija

Sport